50% Tal-Popolazzjoni Adulta Se Tkun Tlaqqmet Bil-Booster Tal-Covid-19 S’Għada
Fis-sigħat li ġejjin f’pajjiżna se jkunu tlaqqmu 50% tar-residenti Maltin eliġibbli għall-booster kontra l-Covid-19. Dan il-milestone kien immarkat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi żjara fl-ikbar vaccination hub ta’ pajjiżna, Gateway, fl-Università ta’ Malta.
“Se jirnexxielna nilħqu t-tir ambizzjuż li nlaqqmu nofs il-popolazzjoni adulta bil-booster sal-aħħar tas-sena, u dan ifisser li issa nistgħu nibdew insarrfu l-benefiċċju tal-booster fejn tidħol il-kwarantina” sostna d-Deputat Prim Ministru Fearne.
Huwa spjega li min-nhar it-Tnejn, 3 ta’ Jannar 2022, persuni pożittivi għall-COVID-19 li huma mlaqqma bil-booster se jkunu obbligati li jagħmlu perjodu ta’ kwarantina t’għaxart ijiem minflok 14-il ġurnata, dan sakemm fl-aħħar tliet ijiem ta’ kwarantina dawn l-individwi ma jkollhomx sintomi.
Dan filwaqt li persuni li kienu f’ kuntatt ma’ persuna pożittiva, jiġifieri “primary contacts”, u li huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jibqgħu jużaw is-sistema ta’ “early release”, jiġifieri li jtemmu l-kwarantina obbligatorja sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva, wara li jagħmlu rapid test li jirriżulta fin-negattiv.
Min-nhar it-Tnejn ukoll, persuni meqjusa bħala “secondary contacts”, jiġifieri min jgħix fl-istess residenza ma’ persuni li kienu f’kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva, m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina jekk ikunu vvaċċinati bil-booster.
Id-Deputat Prim Ministru rrimarka li filwaqt li bħalissa r-rata ta’ tilqim hija tajba ħafna, sabiex jiżdied l-aċċess għall-vaċċin, min-nhar it-Tnejn iċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni se jitilgħu minn 7 għal 24 ċentru madwar Malta u Għawdex.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne ħeġġeġ lil kull min għandu ’l fuq minn 18-il sena sabiex japplika għall-booster fuq vaccin.gov.mt.