Agħti Ikla Tal-Milied Lil Refuġjat Kristjan Fil-Lvant Nofsani
Għal dan il-Milied, Aid to the Church in Need (Malta) qed tistieden lill-familji f’Malta u Għawdex biex jaqsmu l-ikla tal-Milied tagħhom ma’ persuni Kristjani li tilfu kollox meta ħarbu minn djarhom fl-Iraq u fis-Sirja minħabba t-terrur tal-Istat Iżlamiku. Le, l-ACN (Malta) mhix fil-fatt titlob lill-familji biex jistiednu familja mil-Lvant Nofsani fid-dar tagħhom għall-Milied, għax din mhix ħaġa prattika.
Dak li qed tissuġġerixxi l-ACN (Malta) hi idea li Fr Khalil Jaar kien għamel f’Ottubru 2019 meta kien hawn Malta. Fil-parroċċa tiegħu fil-Ġordan, Fr Khalil jieħu ħsieb 400 familja spostata mis-Sirja u l-Iraq.
Kull ma persuna trid tagħmel hu li tagħti donazzjoni lil ACN (Malta) li tkun is-sehem ta’ persuna waħda li wieħed beħsiebu jonfoq għall-ikla tal-Milied, jew id-dar inkella f’ristorant.
Id-donazzjonijiet se jipprovdu “Parcels of Love”. Dawn jikkonsistu f’basktijiet b’oġġetti tal-ikel għal familji spostati, li bħalissa qegħdin jgħixu temporanjament fil-Ġordan. Ħafna minn dawn in-nies ma jifilħux iħallsu ikla differenti għal nhar il-Milied biex tgħinhom xi ftit emozzjonalment. Bħala riżultat tal-vjolenza fis-Sirja jew l-Iraq, ħafna tilfu uħud mill-qraba u l-ħbieb li kienu jqattgħu l-Milied magħhom fil-passat.
Is-sena l-oħra, minkejja l-pandemija, l-ACN ipprovdiet basktijiet tal-ikel tal-Milied għal 13,500 familja Kristjana spostata fil-Lvant Nofsani. Il-fondazzjoni ilha tgħin lil dawn l-Kristjani sa minn meta l-ISIS ġabet ħerba f’dawn il-pajjiżi, u ġiegħlet lil miljuni ta’ Kristjani jaħarbu minn djarhom. Bħalma ġara fl-aħħar sentejn, fil-ġimgħat li ġejjin, l-ACN se tibda tiġbor għal bosta eluf ta’ basktijiet bl-ikel għall-Milied, lesti għad-distribuzzjoni fost familji spostati fl-Iraq, il-Libanu u l-Ġordan.
“Aħna qed nissejħu biex naqsmu l-imħabba u l-benesseri tagħna ma’ dawn il-familji sfortunati li, mingħajr ebda tort, qed ikollhom jgħaddu minn tbatija kostanti fil-ħajja ta’ kuljum. Basket bl-ikel tal-Milied se jservi biex huma jgħarfu li mhux kollox mitluf, filwaqt li jirrealizzaw li hemm oħrajn li jridu jgħinuhom jegħlbu l-inkwiet tagħhom, anke nhar il-Milied. Fr Khalil Jaar qalilna li d-donazzjonijiet tas-sena l-oħra minn Malta u Għawdex ġabu element ta’ ferħ fost dawn il-familji spostati. Din is-sena, l-ACN (Malta) qed tittama li tiġbor ammont simili sabiex dawn il-basktijiet bl-ikel jaslu għand dawn il-familji fil-ħin għall-Milied,” qal Stephen Axisa, direttur nazzjonali tal-ACN (Malta).
Persuna tista’ tibgħat ċekk bil-posta lil ACN (Malta) f’envelop immarkat “Share your Christmas lunch” fl-indirizz: ACN Malta, 39b, Mdina Road, Attard, ATD9038. Donazzjonijiet permezz ta’ trasferiment bankarju għan-numru tal-kont fl-APS Bank 20001771733 huma milqugħa. Se tkun apprezzata email b’ “Share your Christmas lunch” fit-titlu lil [email protected] li tinforma lil ACN (Malta) meta sar it-trasferiment bankarju tad-donazzjoni.