Aidan Bartolo Se Jitressaq Il-Qorti Llum B’Rabta Mal-Każ Fil-Mellieħa
Fil-ħin li ġej il-Pulizija kkonfermat li se tkun qed tressaq b’arrest quddiem il-Qorti lil Aidan Bartolo, suspettat li huwa involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga.
Huwa mistenni jidher fil-Qorti għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco.
Bartolo ta’ 24 sena se jkun akkużat b’attentat ta’ qtil, attentat ta’ feriti gravi, li kkaġuna feriti fuq Pulizija, li saq b’mod perikoluż, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li huwa reċediv, fost akkużi oħra.
Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, assistit mill-Ispettur Marshal Mallia.
Aidan Bartolo nqabad fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, wara li iktar kmieni saq għal fuq il-Pulizija fil-bypass tal-Mellieħa f’tentattiv biex jipprova jaħrab.