Aidan Bartolo Ta’ 24 Sena Jinżamm Arrestat – Qed Ikun Akkużat B’Attentat Ta’ Qtil Fost Akkużi Oħra

 Aidan Bartolo Ta’ 24 Sena Jinżamm Arrestat – Qed Ikun Akkużat B’Attentat Ta’ Qtil Fost Akkużi Oħra

Aidan Bartolo ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil.

Il-każ seħħ il-Ħamis li għadda fil-Mellieħa, fejn Bartolo kien qed jiġi segwit mill-Pulizija u żgiċċa. Hu nqabad għall-ħabta ta’ nofsillejl waqt li kien qed jistaħba fis-siġar tal-Miżieb .

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Ħamis li għadda, l-Iskwadra ta’ kontra d-Droga mxew sabiex iwaqqfu lill-imputat. Ġie spjegat kif għall-ħabta tas-6:00pm kienu qed isegwu lil Bartolo. Il-Pulizija talbuh biex jieqaf u jitfi l-vettura, iżda minflok saq fuq il-Pulizija li ppruvaw iwaqqfuh, u dan imbotta diversi karozzi.

Kien hawn li l-Pulizija kellhom jisparaw fuq il-vettura sabiex jitwaqqaf. Hu iżda rnexxielu jaħrab billi saq ‘one way’ fil-Bypass tal-Mellieħa, direzzjoni lejn Selmun, fejn imbagħad kiser fin-niżla tal-Miżieb, fejn abbanduna l-karozza u ħarab bil-pass minn fuq il-post. Hu ġie arrestat sitt sigħat wara.

Id-difiża, immexxija mill-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Marion Camilleri, sostniet li l-akkużi huma żbaljati u sostniet li l-akkuża t’attentat ta’ qtil hija sproporzjonata. Id-difiża qalet ukoll li l-akkużat ma kellu ebda intenzjoni li jweġġa’ lil xi ħadd, tant li meta ġie arrestat staqsa jekk kienx hemm Pulizija midruba u qal li jiddispjaċih jekk weġġa’ lil xi ħadd.

Ntqal li Bartolo kellu jiġi operat minħabba li ntlaqat minn tir fil-pala ta’ saqajh.

Id-difiża qalet li Bartolo ntlaqat minn tliet tiri u mhux minn wieħed, bil-prosekuzzjoni tgħid li dan ma ntlaqatx direttament iżda bullets li ħabtu ma’ postijiet oħra u imbagħad laqtu lilu.

Bartolo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża qalet li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li fi kliemha, dan ma kienx każ ta’ attentat ta’ qtil, iżda sempliċiment ried jaħrab minn fuq il-post.

Bartolo iżda nżamm arrestat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com