Alfred Sant Jivvota Favur Rapport Dwar L-Isfidi U L-Prospetti Għall-Kontroll Tal-Armi U D-Diżarm Tal-Armi Tal-Qerda Tal-Massa Multilaterali

 Alfred Sant Jivvota Favur Rapport Dwar L-Isfidi U L-Prospetti Għall-Kontroll Tal-Armi U D-Diżarm Tal-Armi Tal-Qerda Tal-Massa Multilaterali

Alfred Sant esprima l-appoġġ tiegħu għal rapport dwar l-isfidi u l-prospetti għal reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-armi u diżarm tal-armi tal-qerda tal-massa. F’intervent fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu l-eks Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-S&D sostna li l-unika raġuni għalfejn ivvota favur dan ir-rapport hija għax ipoġġi l-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni nukleari fuq l-aġenda tal-UE.

Il-qofol tar-rapport dwar l-isfidi u l-prospetti għal reġimi ta’ kontroll u diżarm tal-armi ta’ qerda tal-massa multilaterali jinkludi appell imressaq mill-Membri Parlamentari Ewropej li jħeġġu l-ħolqien ta’ politiki li jwittu t-triq għal dinja ħielsa mill-armi nukleari.

Il-MPE Laburista semma kif 53 sena ilu stati tal-armi nukleari fosthom Stat Membru tal-UE wiegħdu li jipperswadu lill-pajjiżi mhux nukleari biex jaċċettaw it-Trattat tan-Non-Proliferazzjoni iżda fl-istess ħin komplew jimmodernizzaw u jiżviluppaw sistemi ġodda ta’ armament.

Filwaqt li esprima frustrazzjoni għan-nuqqas ta’ progress lejn id-diżarm nukleari li sa ċertu punt kien riżultat tal-iżbilanċ fundamentali fl-arkitettura tan-nonproliferazzjoni, Sant qal li r-rapport jibbaża b’mod korrett fuq il-prinċipju ta’ kontroll sinifikanti fuq is-sistemi tal-armi – irrispettivament minn min huwa l-propjetarju tagħhom, kif ukoll dwar ir-rispett sħiħ tan-normi umanitarji internazzjonali. Lil hinn minn dan, ir-rapport jafferma wkoll li l-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari għandu jkun ristrett għal skopijiet paċifiċi, għalkemm xi Stati Membri jipprojbixxuh, żied jgħid.

Sant wissa li l-presidenza Franċiża li ġejja tal-Kunsill x’aktarx tħeġġeġ għal passi ġodda lejn unjoni militari u tad-difiża u b’konsegwenza ta’ dan jista’ jwassal lill-UE biex bla ebda ħsieb issegwi l-interessi minoritarji ta’ ftit stati bl-armi nukleari li jingħataw aktar prijorità milli hi ssir mexxej globali għall-paċi.

“Għalhekk jiddispjaċini għall-pożizzjoni wisq kawta adottata fir-rapport dwar it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari, li huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-NPT”, hu qal.

Ir-rapport ġie adottat b’536 vot favur, 128 kontra u 31 astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com