Amber B’Diska Ġdida Oriġinali Għal Żmien Il-Milied
Amber b’diska ġdida għal żmien il-Milied bl-isem ta’ ‘Dan il-Milied’. Hija kanzunetta oriġinali b’lirika ta’ Simon Bartolo u Mużika ta’ Elton Zarb u Amber stess.
Il-Milied fih innifsu iġib ħafna memorji u tifkiriet tal-passat. Iġib miegħu ukoll ħafna ferħ u sens ta pożittivita. Dan huwa dak li riedet twassal Amber permezz tad-diska tagħha.
Amber tgħidilna li l-kanzunetta titkellem dwar il-ferħ li wieħed iħoss meta jkollu l-imħabba, iżda fil-Milied tkun tinħass u tidher iżjed speċjali, allura wieħed jagħmel il-kuraġġ biex jgħid inħobbok. Jekk fil-Milied tal-passat ma kontx kuntenta u forsi qatt ma sibt dak li ridt, issa nista’ ngħid li sibt l-imħabba u b’hekk dan il-milied se jkun wieħed speċjali.
Kull min huwa qrib ta’ Amber, jaf kemm il-Milied huwa għal qalbha u din il-kanzunetta hija l-ewwel silta oriġinali tagħha bit-tema tal-Milied.
Fil-ġranet li ġejjin Amber ser tkun qed tniedi ukoll verżjoni ta’ God Rest Ye Merry Gentleman fejn fiha ingħaqdet flimkien mal-kuġini tagħha Meghan (Magħrufa bħala parti minn F.A.I.T.H) u Nicole.
Amber qaltilna li minn mindu kienu żgħar minn dejjem kienu jkantaw u jtellghu l-ispettakli id-dar lil kumplament tal-familja, iżda filwaqt li Amber u Meghan tul is-snin komplew jaħdmu fuq il-karriera tagħhom fil-mużika, Nicole qatt ma tat prijorità lil kant iżda Amber u Meghan jemmnu li għandha talent.
Din is-silta ħa tkun l-ewwel darba li ser jikkollaboraw flimkien fuq xi haġa li ħa toħroġ fil-pubbliku. Il-kanzunetta hija waħda mis-siltiet klassiċi tal-milied u flimkien ħolqu verżjoni tagħhom.
Il-vidjow li ġie maħdum mill-kumpanija tribe. ġie meħud ġewwa kappella żgħira għaliex xtaqu li joħroġ l-element ta initimita u l-valur proprja tal-Milied waqt li joħroġ l-aspett tat-tradizzjonijiet Maltin.