Approvat Il-Proġett Ta’ 136 Appartament Fil-Parkeġġ Tal-Eks Trade Fair Grounds Fin-Naxxar
Dalgħodu l-Bord tal-Ippjanar approva l-proġett ta’ żewġ binjiet kbar fis-sit fejn qabel kien il-parkeġġ tal-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar.
Dan il-proġett ġie approvat wara diversi emendi li saru mill-pjanti oriġinali, fosthom li nofs il-proġett preżenti se jkun spazju miftuħ għall-pubbliku.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li sena ilu, il-Bord tal-Ippjanar kien ġie ppreżentat proġett ieħor minn applikant ieħor fl-istess sit. Dakinhar, il-Bord kien osserva li l-proġett ma kienx aċċettabbli minħabba l-kuntest tas-sit. Spjegat li dan wassal biex xhur wara l-applikant kien irtira l-applikazzjoni.
Intqal li matul il-laqgħa tal-lum, ġie ppreżentat disinn ġdid lill-Bord tal-Ippjanar. F’dan id-disinn il-ġdid tnaqqsu bosta spazji kummerċjali fosthom supermarket, uffiċċji, filwaqt li l-proġett tal-gym u l-faċilità tal-ispa ġew riveduti. Il-binja ħa tkun tinkludi wkoll 12-il ħanut, 3 stabbilimenti tal-catering u ċentru għall-kura tat-tfal.
Dan il-proġett ħa jkun jikkonsisti f’żewġ torrijiet, wieħed ta’ 9 sulari u l-ieħor ta’ 7 sulari li se jakkomodaw 136 appartament residenzjali, faċilità ta’ parkeġġ taħt l-art li se jilqa’ 356 post ta’ parkeġġ u 108 garaxxijiet. Bejn iż-żewġ binjijiet se jkun hemm pjazza pubblika kbira f’żona ta’ 1,940 metru kwadru, li huwa nofs l-art kollha tal-proġett.
L-applikazzjoni kienet approvata wkoll bil-kundizzjoni li mill-qligħ iridu jingħataw €324,000 għall-proġetti urbani għal titjib fil-lokalità tan-Naxxar, kif ukoll kontribuzzjoni separata ta’ €50,000 għall-Fond Artistiku.
Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar ivvota favur dan il-proġett wara li t-tħassib li kellu dwar il-proġett ġew indirizzati.
Huwa maħsub li dan il-proġett jitlesta fi żmien 4 snin.