Clifton Grima Jinħatar Bħala Ministru Għall-Edukazzjoni U L-Isport
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma il-ħatra ta’ Clifton Grima bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport.
Grima kien qed iservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Volontarji. Bejn Ġunju tal-2017 u Jannar tal-2020, Grima serva bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, fejn kien responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Fi stqarrija ntqal li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-ħajja se jibqa’ jkollu r-responsabbiltà taż-żgħażagħ u l-għaqdiet volontarji, u se jkun iġib l-isem ta’ Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Organizzazzjonijiet Volontarji taħt it-tmexxija ta’ Julia Farrugia Portelli.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Ministru Clifton Grima qal li jinsab onorat li ġie fdat b’responsabbiltà tant importanti li minnha jiddependi l-preżent u l-futur tal-istudenti tagħna.
“Kommess li flimkien ma’ sħabi tal-kabinett taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll b’ħidma mal-istakeholders kollha nvoluti, fosthom l-edukaturi, l-istudenti u anke l-ġenituri, inkomplu naħdmu bla heda sabiex niksbu r-riżultati importanti fil-qasam tas-settur edukattiv,” tenna Grima.