Diversi Djar Tat-Tfal Megħjuna Mill-Forzi Dixxiplinati F’Dan Iż-Żmien Tal-Milied
Għat-tieni sena konsekuttiva, fuq inizjattiva meħuda mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, ħaddiema mill-forzi dixxiplinati xtraw ikel u ħtiġijiet oħra biex jingħataw lil numru ta’ djar tat-tfal.
Fi stqarrija ntqal li l-għan tal-inizjattiva kien li b’għotjiet żgħar mingħand bosta individwi, diversi djar ikunu megħjuna fil-provvista ta’ affarijiet meqjusa essenzjali. Wara li nġabru mingħand il-ħaddiema fl-entitajiet, l-oġġetti ttieħdu mill-istess ħaddiema f’numru ta’ djar tat-tfal.
“Bi sforz żgħir mingħand ħafna persuni, ridna nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawn it-tfal u anke ta’ dawk li jmexxu d-djar tagħhom. Konxji ta’ kemm il-persuni li jagħtu ħajjithom għat-tmexxija ta’ dawn id-djar ikollhom fuq moħħhom il-bżonnijiet ta’ kuljum, għalhekk ridna ngħinuhom itaffu ftit minn dan il-piż, imqar jekk għal ftit ġimgħat jew xhur,” qal il-Ministru Byron Camilleri, li wkoll ta daqqa t’id fit-tqassim tal-ikel.
Il-Ministru Camilleri fisser li, speċjalment f’dawn iż-żminijiet, wieħed irid jaħseb f’min hu iktar vulnerabbli. “Tul l-aħħar snin il-gvern ħadem kemm felaħ biex inaqqas il-faqar, iżda jibqgħu persuni li, filwaqt li nibqgħu nniedu inizjattivi għalihom, niftakru fihom b’xi għotja jew volontarjat f’dan il-perjodu ta’ festi. Dik hi l-qalb tal-Maltin,” qal il-Ministru Camilleri.
L-entitajiet li pparteċipaw kienu il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Aġenzija LESA.
Ritratti: DOI