Donazzjoni Ta’ Kotba Lil Xelters Għall-Vittmi Tal-Vjolenza Domestika

 Donazzjoni Ta’ Kotba Lil Xelters Għall-Vittmi Tal-Vjolenza Domestika

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon għamlu żjara ġewwa Dar Għabex, li sservi bħala xelter għall-vittmi tal-vjolenza domestika.

Waqt din iż-żjara l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru ngħaqdet mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sabiex jagħmlu donazzjoni ta’ kotba tat-tfal u xogħlijiet letterarji oħra lil numru ta xelters għall-vittmi tal-vjolenza domestika.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici faħħar ħafna din l-inizzjattiva u qal li l-vittmi tal-vjolenza domestika ġeneralment ikunu għaddew minn aktar tbatija milli ħafna minna jistgħu jifhmu. B’xorti tajba, għandna organizzazzjonijiet li lesti jgħinu u jappoġġjaw lil dawn in-nies kif meħtieġ, anke permezz ta’ xelters bħal dan.

Il-Ministru Bonnici enfasizza l-fatt li, “Meta jkunu involuti t-tfal, huwa ovvjament aktar diffiċli għall-vittma li terġa’ tqum fuq saqajha u timxi ‘l quddiem bil-ħajja. B’dan il-ġest sempliċi ta’ donazzjoni ta’ kotba, qed nagħmluha ċara li nirrikonoxxu l-bżonnijiet kumplessi tat-tfal involuti wkoll, u se nkunu hemm anke għalihom.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, il-Familja u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar il-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur fejn sena wara oħra qed ikompli jallokka aktar finanzjament għall-NGO’s illi jaħdmu mill-qrib ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika u l-familjari tagħhom, speċjalment it-tfal.

“Illum qed inqassmu numru ta’ kotba bħala ġest illi juri r-rieda li dan il-Gvern għandu sabiex jagħti opportunitajiet ugwali lil kull tifel u tifla, mingħajr ebda preġudizzju. Dan huwa Gvern li jemmen bis-sħiħ fis-solidarjetà u l-ġustizzja, u għalhekk se jkompli jaħdem biex jindirizza sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika li jxekklu l-iżvilupp u l-karratri tat-tfal speċjalment,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Il-vjolenza domestika tista’ taffettwa nies minn kull qasam tal-ħajja u tħalli effett tossiku fuq il-familji u fir-relazzjonijiet intimi, inkluża ħsara lill-benessri ġenerali tat-tfal. Bidliet sfurzati u f’daqqa fil-ħajja għandhom impatt negattiv mhux biss fuq l-adulti kkonċernati, iżda wkoll fuq it-tfal u ż-żgħażagħ fil-familja.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, it-tfal milquta mill-vjolenza domestika jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom anke’ jekk ċirkostanzi diffiċli jistgħu jwaqqfuhom milli jaċċessaw il-kotba tal-iskola tagħhom u jattendu l-iskola matul iż-żmien li jqattgħu fix-xelters. Barra minn hekk, il-kotba mogħtija se jservu biex jitwaqqfu jew itejbu l-libreriji fix-xelters tal-vjolenza domestika, li jservu biex ikomplu jsaħħu l-post ta’ residenza ta’ nies imċaħħda mill-kumdità ta’ darhom.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com