Elezzjoni Każwali Għall-Membru Parlamentari Fit-Tielet Distrett Wara R-Riżenja Ta’ Silvio Grixti
Il-Kummissjoni Elettorali ġiet inkarigata mill-President tar-Repubblika biex tmexxi elezzjoni każwali fit-Tielet Distrett Elettorali wara r-riżenja ta’ Silvio Grixti.
Dan l-avviż ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar il-Ġimgħa.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali avżat li ser tkun qed tirċievi nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali sabiex jimtela dan il-post ta’ Membru Parlamentari fit-Tielet Distrett Elettorali.
Ntqal li dawk il-kandidati li kkontestaw it-Tielet Distrett Elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju, 2017, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mil-lum it-Tnejn 27 sal-Ġimgħa 31 ta’ Diċembru, 2021, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Eks Trade Fair Grounds, In-Naxxar, bejn id-9:00am u nofsinhar.
Formoli tan-nomina jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.
Il-Kummissjoni Elettorali tavża li l-għadd tal-voti se jsir fis-Sala tal-Għadd tal-Voti, n-Naxxar, nhar it-Tlieta, l-4 ta’ Jannar, 2022 mit-08:30am ’il quddiem.