Esperjenza L-Maġija Tal-Milied Ġewwa L-Esplora

 Esperjenza L-Maġija Tal-Milied Ġewwa L-Esplora

Tixtieq tiċċelebra żmien il-Milied permezz ta’ xjenza li tqanqal kurżitajiet għal familja kollha? Il-maġija ta’ dan l-perjodu tibqa’ magħna! Il-kurżità tgħin kemm lit-tfal kif ukoll lill-adulti jifhmu d-dinja aħjar, u huwa proprju għalhekk li nħeġġukom tiġu żżuruna f’dawn iż-żminijiet tant maġiċi.

Il-kurżità tinsab fil-qalba ta’ dak li jagħmel l-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza. Irridu li l-viżitatur tagħna jistaqsi mistoqsijiet biex b’hekk jegħleb il-kurżità permezz ta’ konverżazzjonijiet u esplorazzjoni. Kif jgħidu, darbtejn insiru tfal. Erġa’ għix tfulitek u ħu gost tgħallem ix-xjenza permezz ta’ esebiti u attivitajiet li jippromovu t-tagħlim u jrawmu l-immaġinazzjoni. U x’hemm aħjar biex tagħmel dan minn forma ta’ arti viżiva li lkoll inħobbu; il-films!

Bejn it-23 ta’ Diċembru 2021 u s-6 ta’ Jannar 2022, se nkunu qed niffokaw fuq it-tema ‘Lights, Camera, Action!’. Matul dawn il-ġimagħtejn, il-maġġoranza tal-attivitajiet offruti fil-programm se jkunu marbuta max-xjenza wara l-films, partikolarment l-esebiti, permezz ta’ ‘Christmas Trail’.

L-esebiti interattivi tal-Esplora jgħinu lill-viżitaturi jifhmu aħjar kif taħdem id-dinja u kif ix-xjenza hija relevanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Però dan mhux kollox, tistgħu wkoll tesploraw kif ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika jintużaw fl-industrija tal-produzzjoni tal-films, kemm fuq is-sett kif ukoll minn wara l-kwinti.

Ħares lejn it-triloġija famuża ta’ Lord of the Rings bħala eżempju. Fil-films tintuża illużjoni ottikali biex il-hobbits jidhru iżgħar mill-bnedmin. Kif? Billi ntużat Ames Room simili bħal dik li għandna ġewwa l-Esplora. Meta żewġ persuni joqogħdu fuq naħat opposti ta’ din il-kamra, persuna tidher ferm iżgħar mill-oħra. Din l-illużjoni ottika tinħoloq billi l-kamra tinbena bl-art u s-saqaf b’angolu partikolari. Però, minħabba li hija illużjoni, din tqarraqlek moħħok biex temmen li ż-żewġ naħat tal-kamra huma dritti! Dan kollu tista’ tiskoprih iktar fid-detall fil-‘Christmas Trail’.

Aħna nemmnu li ċ-ċentru tax-xjenza huwa għal kulħadd, għalhekk, f’Diċembru, Esplora ser ikun qed iħeġġeġ lill-familji biex jissieħbu ma’ adulti avvanzati fl-età mal-familji tagħhom għal żjara fl-Esplora. Permezz tal-promozzjoni Milied man-Nanniet, disponibbli sat-22 ta’ Diċembru 2021, viżitaturi li jippreżentaw il-Kartanzjan jew il-Karta tal-Identità ta’ 60+ se jkunu jistgħu jdaħħlu f’Esplora sa żewġt itfal b’xejn, bl-età sa 15-il sena.

Agħti r-rigal tal-esperjenzi dan il-Milied. Żur Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, għal esperjenza unika.

Matul il-perjodu ta’ bejn it-23 ta’ Diċembru 2021 u s-6 ta’ Jannar 2022, il-biljetti tad-dħul ħa jkunu jistgħu jinxtraw biss minn fuq is-sit elettroniku tagħna, https://esplora.org.mt/christmas-at-esplora/?lang=mt. Għal aktar informazzjoni ikkuntattjana fuq 2360 2301.

Il-Milied it-Tajjeb u s-Sena t-Tajba mingħandna lkoll ġewwa l-Esplora!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com