Estiża R-Rent Subsidy Scheme Biex Tassisti Lin-Negozji Jilqgħu Għall-Isfidi Kummerċjali

 Estiża R-Rent Subsidy Scheme Biex Tassisti Lin-Negozji Jilqgħu Għall-Isfidi Kummerċjali

Aktar negozji qed jiġu mgħejuna wara li l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret li l-Malta Enterprise qed testendi r-Rent Subsidy Scheme. Dan se jwassal biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna sa massimu ta’ €25,000 kull sena, li tista’ tiġi estiża għal massimu ta’ €75,000 fuq perjodu ta’ tliet snin,  sabiex aktar negozji jingħataw l-għajnuna biex ikabbru l-imħażen tagħhom f’kirja ta’ spazji industrijali. Din l-iskema tkopri sa 50% tal-ispiża.

L-għan ta’ din l-iskema huwa li tingħata assistenza finanzjarja lin-negozji  li qed jiġu affettwati minn żieda fil-prezz tat-trasport. S’issa din l-iskema kienet qed tindirizza lill-kumpaniji tal-manifattura, dawk li jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq vetturi u s-settur tal-industrija. B’din l-estensjoni, l-iskema se tkun qed tgħin firxa aktar wiesgħa ta’ negozji, speċjalment lill-operaturi li qed jimportaw in bulk.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-għan ta’ din l-iskema huwa li tassisti lin-negozji jilqgħu għall-isfidi kummerċjali minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport, li qed jiffaċċjaw negozji madwar id-dinja.

“Bħalma għamilna fl-eqqel xhur tal-pandemija, qed nerġgħu nkunu ta’ spalla man-negozji tagħna anké hekk kif l-ekonomija ta’ pajjiżna qabdet tirpilja. Din l-inizjattiva se tgħin fl-immedjat lin-negozji Maltin biex jibdew inaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-kiri ta’ mħażen li qed jużaw minħabba din is-sitwazzjoni,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li l-Malta Enterprise dejjem kienet hemm biex tgħin lin-negozji. F’diskussjonijiet kontinwi mal-industrija u l-korpi kostitwiti, il-Malta Enterprise għarfet li l-bidla fuq livell internazzjonali trid tigi indirizzata fuq livell lokali u għaldaqstant il-Malta Enterprise qed tipprovdi soluzzjoni permezz tal-estensjoni ta’ din l-iskema.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com