Finanzjament Ta’ €200,000 Għal Riċerka Jwassal Għall-Iżvilupp Ta’ Apparat Innovattiv Biex Titjieb Is-Sigurtà Tal-Għaddasa
Investiment ta’ €200,000 mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) kien kruċjali għall-ħolqien ta’ proġett kollaborattiv bejn xjenzati mid-Dipartiment tal-Fiżika (inklużi membri tal-grupp Electromagnetics) u l-Istitut tax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA) mill-Università ta’ Malta, il-Hyperbaric Unit fl-Isptar Mater Dei u l-industrija privata.
Din il-kollaborazzjoni wasslet għall-iżvilupp tal-Personal Decompression Monitor (PerDeMon). Dan huwa apparat tal-aħħar teknoloġija li jġorr sensor speċjalizzat li jitwaħħal mal-għaddas biex jipprovdi data f’ħin reali, li tista’ tintuża biex tfassal l-iskeda tad-dekompressjoni speċifika għal għaddas individwali sabiex timmassimizza s-sigurtà.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici żar il-laboratorji fl-Università ta’ Malta, fejn qed isir xogħol fuq dan il-proġett ta’ riċerka. Dr Bonnici ltaqa’ mat-tim ta’ riċerkaturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett, immexxija minn Dr Joseph Caruana, (Dipartiment tal-Fiżika u Istitut tax-Xjenzi Spazjali u Astronomija) li wrewh l-aħħar żviluppi fil-proġett PerDeMon, u spjegaw kif irnexxielhom isibu mod innovattiv biex jistabbilixxu sistema li biha l-proċess ta’ dekompressjoni jsir ferm aktar sigur għall-għaddasa.
Il-Ministru Bonnici faħħar lir-riċerkaturi għal kisbiethom u qal li, “Il-gvern huwa kommess li jkompli jsostni proġetti bħal dawn, jinvesti fil-futur u fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda li eventwalment jistgħu jiġu kummerċjalizzati. Kollaborazzjonijiet bħal dawn huma kruċjali għar-riċerka u l-innovazzjoni lokali u jeħtieġ li jiġu mħeġġa u inċentivati.”
Illum il-ġurnata, l-għaddasa jżommu rekord tal-ħin f’fond partikolari permezz ta’ kompjuter apposta li juża algoritmu biex jikkalkula skeda ta’ tlugħ, u jippreskrivi waqfiet f’fond partikolari biex jippermetti li l-gassijiet inerti joħorġu mis-soluzzjoni bil-mod. L-iskeda speċifika tiddependi fuq il-profil tal-għaddas partikolari iżda l-proċess huwa mudellat fi ħdan qafas teoretiku ġeneralizzat li mhuwiex speċifiku għal għaddas individwali. Dan l-apparat se jagħmel il-proċess ta’ dekompressjoni aktar personalizzat u għalhekk imfassal għall-bżonnijiet fiżjoloġiċi partikolari tal-għaddas f’dak il-mument.
L-apparat se jiġi ttestjat b’mod estensiv fl-istadji kollha tal-iżvilupp, bi provi finali prevvisti waqt għaddsa attwali, fejn prototip se jiġi ttestjat flimkien ma’ kompjuter kummerċjali ta’ dekompressjoni.
Ritratti: DOI