F’Malta Hawn Mat-300 Persuna Jgħixu Fit-Triq U Madwar 3,000 Persuna Qed Jorqdu F’Garaxxijiet
Waqt il-programm ta’ kull nhar ta’ Sibt minn Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju 103 ntqal li f’Malta hawn mat-300 persuna li jgħixu fit-triq, 500 persuna m’għandhomx faċilitajiet sanitarji adegwati u madwar 3,000 persuna qed jorqdu f’garaxxijiet.
Dan qalu Fr Marcellino Micallef, id-Direttur tas-Soup Kitchen fi ħdan il-Kunvent tal-Franġiskani fil-Belt Valletta, fejn spjega x-xogħol li jsir kif ukoll l-esperjenzi li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.
Fr. Marcellino stqarr li hemm Maltin għal xi raġuni jew oħra m’għandhomx karta tal-identità. “Dan ifisser li jekk dawn jiġrilhom xi ħaġa jew jisparixxu, ħadd ma jinduna.”
Huwa żied jgħid li ħafna persuni li jmorru s-Soup Kitchen jkunu qed isofru minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali, b’riżultat li jispiċċaw f’solitudni totali.
“Waħda mill-aħjar mediċina li tista’ ttihom dawn il-persuni hija widna li lesta tisma’ u qalb li miftuħa għalihom,” tenna Fr. Marcellino.
Is-Soup Kitchen tiddependi mill-providenza fejn ta’ kuljum għexieren ta’ nies imorru jieklu platt sħun u bnin. Fr Marcellino Micallef qal li l-ġenerożità tal-poplu Malti hija unika mad-dinja u qal li “l-providenza tidher qabel titla’ x-xemx.”