Ftehim Ġdid Li Se Jwassal Għal Sħubija Diretta Bejn Il-Pulizija Maltija U Dik Ingliża
Qbil bejn il-Ministeri responsabbli mill-pulizija ta’ Malta u tar-Renju Unit li għandu jwassal għat-tisħiħ fir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejn il-Pulizija Maltija u dik Ingliża, bil-għan li jkun hemm iżjed żvilupp u taħriġ fil-ġlieda kontra l-kriminalità u servizz aħjar lill-komunitajiet tagħna.
F’laqgħat f’Londra bejn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Pulizija u l-Kriminalità tar-Renju Unit Kit Malthouse, kien diskuss ftehim ġdid li se jwassal għal sħubija diretta bejn il-Pulizija Maltija u dik Ingliża.
Dan qed isir b’rabta ma’ memorandum of understanding li ġie ffirmat f’Settembru li għadda, fejn bħala parti mit-Trasformazzjoni Strateġija tal-Korp tal-Pulizija Malti, ser ikun hemm aktar koperazzjoni għal iżjed għarfien u taħriġ.
Il-ħidma prinċipali se tkun iffukata fuq is-setturi tal-pulizija fil-komunità, it-taħriġ professjonali u d-diġitalizzazzjoni fil-proċessi korporattivi.
Għaldaqstant, il-ftehim se jassigura:
- Kooperazzjonali bejn il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Pulizija tar-Renju Unit u l-Korp tal-Pulizija Malti;
- L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pulizija fil-Komunità bħala parti mit-Trasformazzjoni Strateġika, b’kollaborazzjoni akbar mill-erbgħa u tletin territorju li fih il-Pulizija Ingliża toffri s-servizz fil-qalba tal-komunitajiet;
- It-tisħiħ fil-qasam professjonali u ta’ taħriġ mill-Kulleġġ tal-Pulizija Ingliż lill-Korp tal-Pulizija Malti.
Il-ftehim jikkonsolida wkoll rabtiet twal bejn Malta u r-Renju Unit fis-setturi tal-infurzar tal-liġi u l-ħidma fil-ġlieda fuq livell internazzjonali kontra l-kriminalità organizzata bħal dik tat-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, u l-ħasil tal-flus.
B’rabta diretta mal-ftehim iffirmat bejn ir-Renju Unit u Malta, il-Ministru Byron Camilleri tenna kif hu jħares ’il quddiem sabiex il-pulizija Maltija u dik Ingliża jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom, sabiex jibqa’ jkollna Korp tal-Pulizija li jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ soċjetà moderna u dinamika.
Il-Ministru Ingliż għall-Kriminalità u l-Pulizija Kit Malthouse spjega kif il-kriminalità ma għandhiex fruntieri u li l-ħidma ma’ msieħba fuq livell internazzjonali hi mportanti biex dejjem ikunu miġġielda bosta forom ta’ kriminalità. Il-Ministru Malthouse qal ukoll li dan il-ftehim se jsaħħaħ ir-rabtiet antiki u storiċi bejn ir-Renju Unit u l-Pulizija Maltija, b’fażi ġdida f’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar tal-liġi.
Hu għalaq billi tkellem kif il-qbil se jwassal ukoll biex ir-Renju Unit jaqsam ma’ Maltin l-għarfien polizjesk, f’iżjed taħriġ professjonali lill-uffiċjali tal-pulizija Maltin, kif ukoll fl-implimentazzjoni u t-titjib kontinwu fis-servizz tal-pulizija tal-komunità. Saħaq ukoll kif fuq kollox din ir-relazzjoni se twassal għal iżjed qsim ta’ informazzjoni importanti bil-għan li ż-żewġ pajjiżi jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin biex dejjem ikollna komunitajiet iżjed siguri.
Ritratt: DOI