“Ftehim Li Qed Jassigura Li L-Kultura U T-Turiżmu F’Pajjiżna Jimxu Id F’Id ’Il Quddiem” – Il-Ministru Clayton Bartolo
Ftehim iffirmat bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-Soċjetajiet Mużikali fin-Naxxar se jwassal għal investiment biex dawn is-Soċjetajiet jkollhom l-għodda li għandhom bżonn sabiex jattiraw turiżmu ġdid lejhom.
Dan huwa proġett pilota li ħa jservi biex jkompli jikber f’irħula u bliet oħra bl-għan li Malta u Għawdex kollha tkun destinazzjoni waħda turistika.
Edward Azzopardi, il-President tas-Soċjetà Mużikali Peace, spjega li dan il-proġett ħa jkun qed jgħin lis-Soċjetà tagħmel il-pass ‘l quddiem b’investiment li ħa jkun qed isir mas-sede kollha, li ta’ minn jgħid li kienet ukoll ir-residenza tal-Markiż Vincenzo Bugeja. Huwa spjega li dan l-investiment ħa jkun qed jgħin lis-Soċjetà Mużikali Peace tidħol fis-settur turistiku, b’mod speċjali fit-turiżmu reliġjuż, kulturali kif ukoll ħa jkun qed isir nvestiment kbir sabiex is-sala prinċipali tkun mgħammra biex tilqa’ fiha konferenzi, laqgħat u esibizzjonijiet. Dan apparti li ħa jkun qed jibda proċess sabiex spazju ta’ 160 metru kwadru jiġi żviluppat f’recording studio, spazju artistiku w amministrattiv tal-aqwa livell.
Daniel Vella, il-Viċi-President tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja qal li se jsir investiment f’apparat professjonali. Huwa qal li bħalissa l-każin għaddej minn ristrutturar sħiħ biex il-binja tilqa’ aktar nies b’mod speċjali mill-aspett kulturali u artistiku. Vella qal li permezz ta’ dan il-proġett il-binja se tkun qed toffri servizz aktar professjonali.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal li b’dan il-ftehim qed ikun assigurat li l-kultura u t-turiżmu f’pajjiżna jimxu id f’id ’il quddiem.
Qal, “Il-ftehim tal-lum se jkun qed jara li nkomplu ninvestu fin-Naxxar sabiex b’hekk naraw li iżjed lokalitajiet f’Malta jkunu jistgħu joffru ħafna iżjed mill-karatteristiċi uniċi tagħhom u awtentiċi li jgħinu kollha kemm huma fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna.”