“Għalija S-Saħħa Tagħkom Ilkoll Tiġi Qabel Il-Vot” – Il-Kandidat Laburista Jo Etienne Abela
Il-Kirurgu u Kandidat Laburista Jo Etienne Abela f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li bħala tabib u bħala politiku prospettiv qed iħoss id-dmir u d-dover li jikkanċella kull attività tal-massa li kienu qed jiġu organizzati mil-kollaboraturi tiegħu fix-xena politika għal żmien il-Milied.
“Qed nagħmel dan b’dieqa iżda b’sens ta’ responsabiltà kemm għal kostitwenti tad-distretti fejn ser nikkontesta kif ukoll is-servizzi tas-saħħa f’Malta u Għawdex,” tenna Jo Etienne Abela fil-messaġġ tiegħu.
Huwa kompla jgħid li n-numri huma dawk li huma u il-Covid-19 ma jistax jiġi injorat “speċjalment minn persuni fil-kamp mediku bħali.”
Il-Kirurgu u Kandidat Laburista Jo Etienne Abela temm il-messaġġ tiegħu billi skuża ruħu għal din id-deċiżjoni filwaqt li qal li għad jiġi żmien aħjar fejn wieħed jiltaqa’ b’mod aktar seren. “Għalija is-saħħa tagħkom ilkoll tiġi qabel il-vot.”