‘Ġrajjet Il-Fidwa’ – Wirja Ta’ Presepji Fil-Fgura
Dan iż-żmien tal-Milied huwa sinonimu ma’ bosta wirjiet li jkunu organizzati madwar Malta u Għawdex b’bosta presepji mill-isbaħ, li wara n-nuqqas tas-sena l-oħra dawn qed jerġgħu jkunu esibiti għall-pubbliku.
Waħda mill-wirjiet li żorna kienet dik li qed tittella’ ġewwa ċ-Ċentru Ċiviku tal-Fgura bl-isem ta’ ‘Ġrajjet il-Fidwa’.
Din il-wirja tikkonsisti minn bosta statwetti u Bambini kif ukoll bosta presepji statiċi b’settijiet ta’ pasturi fosthom sett pasturi xogħol il-mibki Salvu Bonello kif ukoll oħrajn tad-ditta Landi fost oħrajn.
Qed tiġi esibita ukoll minjatura tal-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin li ssir nhar lejlet il-Milied u li tkun organizzata mis-Soċjetà tal-MUSEUM. Din il-purċissjoni bdiet tittella’ propju 100 sena ilu. Din il-minjatura tikkonsisti minn bosta figuri maħduma mit-tafal tradizzjonali Malti xogħol ta’ Pawlu Muscat. Fost il-figuri li fiha din il-minjatura hemm tfal, daqqaqa, reffiegħa tal-fanali u l-Bambin flimkien ma’ San Ġorġ Preca innifsu li kien hu li beda din il-purċissjoni.
Din il-wirja nfetħet nhar is-7 ta’ Diċembru mis-Sindku tal-Fgura s-sur Pierre Dalli filwaqt li tbierket mill-Kappillan tal-Fgura Rev. Raymond Calleja O.Carm. Din il-wirja ser tibqà miftuħa sal-aħħar tas-sena fejn matul il-ġimgħa tkun miftuħa mit-8:00am sal-4:00pm u s-Sibtijiet mit-8:00am sal-11:00am. Bejn is-27 u t-30 ta’ Diċembru ħa tkun miftuħa bejn it-8:00am u s-7:30pm.
Ġie ppublikat ukoll ktejjeb ta’ tifkira li jikkonsisti minn bosta artikli nteressanti fuq il-festi tal-Milied fosthom tagħrif fuq il-purċissjoni tal-Bambin.
Għal iktar informazzjoni dwar din il-wirja wieħed jista’ jagħfas hawn.