Ħareġ L-Aħħar Volum Dwar Il-Ħajja Fi Strada Stretta
Għadu kemm ħareġ it-tielet u l-aħħar volum fis-sensiela Strada Stretta ta’ George Cini. Bl-isem Strada Stretta: Aktar stejjer mit-triq li darba xegħlet il-Belt, il-ktieb fih għadd ġmielu ieħor ta’ intervisti ma’ nisa u rġiel li ħadmu jew għexu mill-flejjes li kienu joħorġu minn Strada Stretta.
Hemm intervista ma’ Twanny Fiteni, wieħed mill-Fitenijiet magħrufa għat-talent kbir mużikali li bdew il-karriera f’dit-triq tal-pjaċir. Insibu l-istorja ta’ Lisa Mallia, t’Anjellu li kienet titla’ Strada Stretta tiġbor l-ħlasijiet mingħand il-barmaids tal-flus li kienet tislef ommha. Hemm l-istorja ta’ Mutumallu, ħanut tat-te fi Triq Fontana, kif taqbeż Strada Stretta, in-naħa t’isfel tal-Belt li kellu permess jiftaħ erba’ u għoxrin
siegħa kuljum.
Hemm Nena ta’ Pina bil-grocer it-Triq tal-Franċiżi. Tiftaħ fis-sitta ta’ filgħodu u tagħlaq fil-ħdax ta’ billejl. Roy u Mananni tar-Roy Bar; Leli Depares, l-Ingliża, missieru Ġilardu u ommu Rita li kienet barmaid
il-Lucky Wheel ma’ Ċetta ta’ Gerrem u Kerry tal-Laħam; Wiġi tal-Pjanu; ‘Id-Devil Drummer’ Joe Camilleri, il-Bibi; Ġużi r-Raxx, Pawlu ta’ Karlu, tal-Ħamra u ta’ Rokku u l-ikel li kienu jbigħu.
Hemm il-ġrajja ta’ barmaid żagħżugħa li turi kemm kienet iebsa l-ħajja għal familji jaqalgħuha u jiekluha. Il-ħajja l-Biċċerija fejn kienu jgħixu skoss familji b’ħafna tfal u b’xebgħa nuqqasijiet.
L-istorja tinkludi wkoll Balzunetta, il-Furjana li kienet mera ta’ Strada Stretta b’nisa u rġiel fosthom Minku Murgo, Mimi Dowdall, l-Azzarin u ż-Żiżżu jmexxu music halls bħal Klondyke, il-Flagship u l-British Empire li ġibdu lejhom eluf ta’ nies tas-servizz. L-istorja ta’ Balzunetta jirrakkontha Ċensu Fenech in-Napezz li nannuh Salvu Fenech kien ibigħ il-gaxin, l-ikel li kien jiġbor minn fuq il-bastimenti Ingliżi u jbigħu lil Maltin meta kien hemm nuqqas kbir ta’ ikel matul it-Tieni Gwerra Dinjija.