“Id-Deċiżjoni Li Malta Bdiet Tamministra L-Booster Kontra L-Covid-19 Minn Kmieni Kienet Deċiżjoni Għaqlija” – Id-DPM Chris Fearne
“Id-deċiżjoni li Malta bdiet tamministra l-booster tal-vaċċin tal-COVID-19 minn kmieni issa tidher li kienet deċiżjoni għaqlija u llum pajjiżi oħra Ewropej qed jagħmlu bħalna.” Dan saħqu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wara laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa Ewropej, li tulha spikka il-bżonn li ċ-ċittadini Ewropej jirċievu l-booster sabiex l-Ewropa tegħleb din il-fażi delikata tal-pandemija.
Tul il-laqgħa l-Istati Membri Ewropej esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-varjant Omicron, li qed iżid il-preżenza tiegħu fl-Ewropa. Hawnhekk id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif f’Malta qegħdin isiru sequencing tests fuq il-każijiet pożittivi kollha sabiex ikollna informazzjoni eżatta dwar il-varjanti fil-komunità.
Id-Deputat Prim Ministru irriafferma l-importanza li l-pajjiżi jibqgħu jixtru l-vaċċini flimkien sabiex kulħadd ikollu aċċess dirett u fil-pront għall-vaċċin kkontra l-COVID-19. Id-Deputat Prim Ministru fakkar li dan il-proċess konġunt se jwassal biex pajjiżna jirċievi l-konsenji tal-vaċċin tat-tfal fl-istess żmien mal-pajjiżi Ewropej l-oħra fil-jiem li ġejjin. Dan se jippermetti li sal-aħħar ta’ Jannar ikun offrut il-vaċċin lit-tfal kollha ta’ ‘l fuq minn 5 snin.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne aċċenna wkoll għall-fatt li l-Unjoni Ewropea tat ‘il fuq minn 350 miljun vaċċin donazzjoni lill-pajjiżi terzi, fejn stqarr li hu kuntent li Malta tat fost l-ikbar ammonti ta’ vaċċini per kapita.
Laqgħa tal-Ministri għas-#Saħħa Ewropej dwar l-#Omicron, l-importanza tal-booster u l-aċċess għall-mediċini ġodda għaċ-ċittadini Ewropej kollha #EPSCO @SI2021EU @SKyriakidesEU pic.twitter.com/dayuW7pM7c
— Chris Fearne (@chrisfearne) December 7, 2021