Id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris Ħabbar Li Mhux Se Jikkontesta L-Elezzjoni Ġenerali Li Jmiss
Id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fuq il-mezzi soċjali tiegħu huwa qal li wasal iż-żmien “biex il-prijoritajiet tiegħu jerġgħu jkunu l-familja u ta’ madwaru”.
In-nutar Castaldi Paris qal li din id-deċiżjoni kien diġà ħadha riċentement. Huwa qal li dak li qed ikun rappurtat dwar l-investigazzjoni li għaddejja dwaru huwa “sensazzjonali u minfuħ”.
Illum ‘Times of Malta’ żvelat kif Ian Castaldi Paris qed jiġi investigat talli għandu mat-300 elf ewro fi ħlas u multi tat-taxxa li mhux imħallsa.
“Fix-xhur li ġejjin ser nibqa’ nirrappreżenta l-kostintwenti tiegħi u għalkemm meta tintemm il-leġiżlatura se nagħmel pass lura mill-ħajja pubblika, dan ma jfissirx li mhux se nibqa’ nagħti s-sehem tiegħi biex il-Partit Laburista jibqa’ jmexxi l-pajjiż ‘il quddiem. Qabel xejn għax qbadna triq tal-progress li jkun għajb jekk nitilfuha,” kiteb Castaldi Paris.
Hu kien tneħħa wkoll mill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi wara li ħarġet l-aħbar li ġimgħat biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech, kien ftaħar miegħu li kellu propjetajiet f’Kensington fl-Londra li jiswew madwar £16-il miljun.
Id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris temm jgħid li “pajjiżna għandu bżonn lil Robert Abela fit-tmun għaliex minkejja l-isfidi kollha bla preċedent li ffaċja pajjizna dawn l-aħħar xhur, stajna ngħelbuhom biss għax għandna Prim Ministru b’viżjoni u determinazzjoni li jara li kullħadd jirnexxi.”