“Il-Gvern Jeħtieġ Jieħu Inizjattiva Biex Joffri Alternattiva Lill-Bdiewa Li Qed Jitilfu R-Raba” – Il-PN
“In-numru tal-bdiewa li qed jitilfu r-raba’ tagħhom f’kawżi l-qorti qiegħed jiżdied.” Hekk tenna l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo, fejn saħaq li r-raba’ mhux biss qed jintilef mill-bdiewa iżda mill-poplu Malti u Għawdxi għaliex la darba jitkeċċa l-bidwi, dan ir-raba’ mhux qed jibqa’ jinħadem.
Fi stqarrija Edwin Vassallo qal li l-PN qed isegwi x’qed jiġri f’dan ir-rigward, u filwaqt li jifhem li huwa dritt ta’ sid l-art li jkollu t-titlu lura tal-art tiegħu li f’dan ir-rigward qed nirreferi għar-raba’ u rziezet, fl-istess waqt mhux jifhem kif bħala pajjiż għadna ma sibna l-ebda soluzzjoni legali li tibqa’ tippermetti lill-bidwi, jibqa’ jaħdem ir-raba’ u hekk il-pajjiż ma jitlifx il-provvista tal-ikel frisk tiegħu.
Huwa temm jgħid li l-PN qed jkompli jħeġġeġ lill-Gvern biex joffri alternattiva immedjata għal din il-problema qabel ma din il-problema issir kriżi ta’ pajjiż li qed jitlef ir-raba’ u l-bdiewa tiegħu.
Ritratt: Facebook / Għaqda Bdiewa Attivi