Il-Konkors Miss World Jiġi Pospost – “Kienet Il-Ħolma Tiegħi Li Nimxi Fuq L-Istage Prestiġjuż U Nagħmel Lil Malta Kburija”
Ġie mħabbar li l-konkors ta’ Miss World kellu jiġi pospost.
Ir-rappreżentanta Maltija, il-mudella Naomi Dingli esprimiet id-diżappunt tagħha fuq il-mezzi soċjali tagħha fejn qalet li tinsab b’qalbha maqsuma għal din l-aħbar.
Din l-aħbar ħarġet wara li wħud mill-mudelli rriżultaw pożittiv għall-COVID-19. B’kollox instabu 23 parteċipant pożittivi fost 100 rappreżentant.
Naomi Dingli ta’ 26 sena għamlet it-test u rriżultat negattiv. “Illum nibda triqti lura Malta,” qalet ir-rappreżentanta Maltija.
“Kienet il-ħolma tiegħi li nimxi fuq l-istage prestiġjuż u nagħmel lil Malta kburija. Ma kellux ikun, Alla għandu toroq differenti għalija, nassumi!”
Naomi Dingli rringrazzjat lil dawk kollha li appoġjawha tul din l-esperjenza, u tinsab grata għall-ħbiberiji ġodda li għamlet f’dawn l-aħħar jiem ta’ preparazzjoni. Hija rringrazzjat b’mod partikolari lil Sue Rossi u Cluadia Calleja filwaqt li saħqet li din kienet esperjenza li m’hi ser tinsa’ qatt.
Finalment Naomi Dingli awgurat fejqan ta’ malajr lil dawk il-mudelli li ġew pożittivi għall-Covid19.
L-organizzaturi ta’ Miss World qalu li l-finali se jsir fi żmien tliet xhur oħra.