Il-Kunsill Malti Għall-Arti Jħabbar Investiment Dirett Ta’ €7 Miljun Fi Skemi Ta’ Finanzjament Għall-2022

 Il-Kunsill Malti Għall-Arti Jħabbar Investiment Dirett Ta’ €7 Miljun Fi Skemi Ta’ Finanzjament Għall-2022

Wara t-tħabbir tal-baġit tal-2022 f’Ottubru, il-Kunsill Malti għall-Arti żvela l-iskemi ta’ finanzjament tiegħu għall-2022 fuq il-bażi ta’ ħames pilastri ewlenin: ir-Reżiljenza, l-Arti u l-Komunità, l-Iżvilupp, l-Edukazzjoni, il-Wirt Kulturali u Strutturali. L-iskemi huma mmirati biex jibnu fuq l-ispinta ġġenerata mill-iskemi RESTART tas-sena li għaddiet li kienu katalisti fir-riġenerazzjoni mill-ġdid tas-setturi kreattivi u kulturali wara t-tfixkil minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Preżenti għat-tnedija tal-iskemi ta’ finanzjament għall-2022 kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, li spjega li ż-żieda fil-finanzjament dirett lill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Organizzazzjonijiet Pubbliċi Kulturali hija parti mill-impenn ta’ dan il-gvern lejn is-setturi u l-prattikanti kreattivi nfushom. “Iż-żieda fil-baġit ta’ din is-sena, li wasslet għal iktar żieda fl-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-Kunsill Malti għall-Arti, tkompli tibni fuq l-istrateġija lejn setturi kreattivi u kulturali iktar reżiljenti u sostenibbli”, qal il-Ministru Herrera.

Waqt li indirizzat il-konferenza stampa, id-Direttriċi tal-Finanzjament u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, enfasizzat l-importanza li l-kunsill qiegħed jagħti lill-kollaborazzjonijiet tiegħu u jappoġġa s-sinerġiji ma’ individwi u gruppi ta’ artisti u kreattivi. “L-għan prinċipali huwa li ninvolvu ruħna mal-usa’ spettru possibbli tal-komunità lokali kreattiva u kulturali, u għal din ir-raġuni l-iskemi ta’ finanzjament għall-2022 huma mifruxa fuq 33 sejħa, li tnejn minnhom huma diġà miftuħa, jiġifieri l-iskemi tal-Użu tas-Siġġijiet u tal-Assigurazzjoni tal-Avvenimenti,” qalet is-Sinjura Cauchi.

Waqt il-konferenza stampa, il-Kap tal-Finanzjament Rita Falzon, għamlet intervent qasir dwar l-iskemi ta’ finanzjament tal-2021. Is-Sinjura Falzon spjegat li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni involva 76 evalwatur espert b’270 sessjoni ta’ promozzjoni u 35 sessjoni ta’ valutazzjoni biex jiżgura l-iżborz tal-fondi trasparenti u bbażat fuq il-mertu. “Waqt l-2021, il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva 466 applikazzjoni eliġibbli għall-finanzjament li kollha kienu vvalutati skont il-kriterji stabbiliti u abbażi tal-valuri ewlenin tagħna”, qalet is-Sinjura Falzon.

L-iskemi ta’ finanzjament mill-Kunsill Malti għall-Arti huma parti minn investiment ta’ €110 miljun mill-Gvern fis-setturi kreattivi u kulturali għall-2022, li jirrappreżentaw żieda sinifikanti ta’ 13.5% fuq l-investiment tal-2021.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com