Il-Ministru Evarist Bartolo Jsejjaħ Għal Tmexxija Għaqlija Biex Tikkalma L-Klima Politika Attwali
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo sejjaħ għal tmexxija aktar għaqlija sabiex il-klima politika turbulenti li għaddejjin minnha tiġi kkalmata. Il-Ministru Bartolo saħaq li għandna bżonn id-détente fl-Ewropa u fil-Mediterran u li Malta tagħti ħafna importanza lejn id-dimensjoni Mediterranja. Is-sigurtà Ewropea hija marbuta b’mod inseparabbli ma’ dik tal-Mediterran. Din l-isħubija għandha tmur lil hinn minn diskorsi ta’ appoġġ sabiex issir aktar sinifikanti, u tiffoka aktar fuq kooperazzjoni konkreta u reali li minnha jibbenifika kulħadd. Id-djalogu u n-negozjar huma l-aktar bżonnjuża ma’ dawk li l-anqas naqblu magħhom.
Il-Ministru Bartolo qal dan meta indirizza t-28 Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fi Stokkolma fl-Isvezja. Il-kunsill huwa l-korp governattiv li jieħu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-OSCE. Il-laqgħa, li ssir annwalment, tipprovdi lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-57 stat parteċipi fl-OSCE, l-opportunità biex jirrevedu u jevalwaw l-attivitajiet tal-organizzazzjoni, u jsaħħu d-djalogu fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà fiż-żona tal-OSCE.
Il-Ministru Bartolo tenna li ma nistgħux indgħajfu lilll-multilateraliżmu u mbagħad nikkunsidrawh mhux funzjonali. B’referenza għall-industrija militari, sostna li din l-industrija saret parti integrali mis-settur tal-esportazzjoni tal-ekonomiji ta’ diversi pajjiżi, hekk kif qawwiet militari jkomplu jirbħu l-gwerer u jitilfu l-paċi.
Il-Ministru Bartolo qal li d-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali għandhom jipprevalu jekk għandna l-intenzjoni li niżguraw koeżistenza paċifika, bħala l-unika alternattiva għal dak li jista’ jkun katastrofiku.
Matul dan il-kunsill ġewwa Stokkolma, il-Ministru Bartolo kellu wkoll diversi taħditiet bilaterali mal-kontropartijiet tiegħu sabiex jippromwovi l-kollaborazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran. Ġewwa l-kapitali Svediża, huwa kien akkumpanjat mir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-OSCE Natasha Meli Daudey, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Christopher Cutajar.
Ritratt: DOI