“Il-Ministru Tat-Turiżmu Clayton Bartolo Għandu Jieħu Azzjoni U Jinvestiga L-Infiq Tal-MTA” – Robert Arrigo
“L-istorja tal-bieraħ dwar ħaddiema tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li kienu se joqogħdu f’lukanda lussuża għal ġimgħatejn b’detriment għal min iħallas it-taxxi hija konferma oħra tal-mod kif il-gvern Laburista jaħli l-fondi pubbliċi.”
Dan qalu Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem għat-Turiżmu, Robert Arrigo fi stqarrija fejn qal li l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għandu jieħu azzjoni kontra min awtorizza din in-nefqa u għandu jinvestiga l-infiq tal-MTA.
Arrigo saħaq li l-Ministeru tat-Turiżmu huwa responsabbli għal madwar €123 miljun u għalhekk għandu jiġi mmaniġġjat kif xieraq.
Huwa żied jgħid li r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ din il-ġimgħa diġà ddeskriva numru ta’ nuqqasijiet mill-Ministeru tat-Turiżmu, “fosthom l-infiq ta’ ikliet jiswew l-eluf mill-Kummissarju tal-Films li saru mingħajr ebda dokumentazzjoni ta’ min kien qed jibbenefika minnhom.”
“Il-Kummissarju tal-Films qed jonfoq ukoll mill-inqas €400,000 fuq il-Malta Film Awards, u b’hekk il-produtturi tal-films qed iwasslu biex jibbojkottjaw l-avveniment,” sostna Robert Arrigo.
Il-Viċi Kap tal-PN tenna li dan huwa “xokkanti meta tqis li l-Gvern qed jirrifjuta li jestendi l-wage supplement għal stabbilimenti tal-catering li bħalissa qed jissieltu mill-ġdid maż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19, qed jirrifjuta li jagħti salarji aħjar lill-edukaturi, u qed jisraq lin-nies kuljum fil-kontijiet tad-dawl.”
“Meta l-Gvern isostni li m’għandux flus għal spejjeż nazzjonali importanti, m’għandux kredibbiltà,” sostna Robert Arrigo, filwaqt li temm jgħid li l-baġit tal-MTA għandu jintefaq bir-reqqa biex jirreklama l-pajjiż bl-aħjar mod possibbli għall-industrija.
Ritratt: Facebook / Fairyland Malta