Il-MPE Alex Agius Saliba Beda D-Diskussjonijiet Dwar Il-Liġi Komuni Taċ-Charger

 Il-MPE Alex Agius Saliba Beda D-Diskussjonijiet Dwar Il-Liġi Komuni Taċ-Charger

Nhar l-Erbgħa, il-MPE Alex Agius Saliba, li huwa r-rapporteur li se jmexxi l-leġiżlazzjoni għal charger komuni għall-apparat elettroniku permezz fil-Parlament Ewropew, kellu l-ewwel skambju ta’ fehmiet fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.

“Illum kellna l-ewwel diskussjoni dwar il-proposta, li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ilhom jagħmlu pressjoni dwarha għal għaxar snin: il-proposta li jkun hemm ċarġer komuni mhux biss għall-ismartphones iżda għal tagħmir żgħir u ta’ daqs medju, inklużi kameras diġitali, headphones, headsets, tablets, logħob diġitali portabbli u speakers portabbli,” qal il-MPE Agius Saliba ftit wara d-diskussjoni.

Fir-rimarki tiegħu, il-MPE Agius Saliba qal li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom problema bid-diversità ta’ chargers li jeżistu. Wisq chargers li jieħdu ħafna spazju fid-dar jew fil-post tax-xogħol tagħna, chargers li huma anqas effiċjenti minn oħrajn, il-fatt li mhux kull apparat jista’ jiġi ċċarġjat bl-istess charger, jew inkella il-problema biex jinstab charger kompatibbli. Agius Saliba qal li din hija problema komuni, fejn il-maġġoranza taċ-chargers mixtrija jispiċċaw bla użu.

Il-MPE Agius Saliba spjega li l-prijorità tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur huma l-konsumaturi. Huwa spjega li minn naħa, il-Parlament ma jridx joħnoq l-innovazzjoni għax huwa verament importanti li din tkompli tikber speċjalment fir-rigward tat-teknoloġija tal-iċċarġjar mingħajr fili, iżda fl-istess ħin, huwa qal li huwa importanti li l-konsumaturi Ewropej u l-ambjent ma jkomplux jerfgħu l-piż ta’ xiri ta’ chargers inutli.

Il-proposta leġiżlattiva proposta fit-23 ta’ Settembru 2021 tirrikjedi li l-mobiles u apparat simili jiġu ċċarġjati permezz ta’ chargers bil-fili u jkunu mgħammra b’port tat-tip C USB, irrispettivament mill-marka tal-apparat. Din ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju hija parti minn azzjoni usa’ biex tindirizza s-sostenibbiltà tal-prodotti, b’mod partikolari l-elettronika fis-suq tal-Unjoni Ewropea, u biex fl-istess ħin tnaqqas l-iskart elettroniku.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com