“Il-PM Robert Abela Għandu Minnufih Ikeċċi Lil Justyne Caruana” – Bernard Grech
“Wara d-dikjarazzjonijiet xokkanti tal-Prim Ministru tal-bieraħ fejn iddefenda Ministru li nstabet ħatja li tat kuntratt minn flus il-poplu lil seħibha, issa għandna wkoll konferma li l-pulizija fetħu investigazzjoni kriminali dwar Justyne Caruana.”
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li ġara lbieraħ fil-każ tal-Ministru Justyne Caruana. Huwa qal li din l-investigazzjoni messha ilha li nbdiet għallinqas minn meta ħarġu dawn il-fatti fil-mezzi tax-xandir.
“Dan ikompli jikkonferma kemm hu irresponsabbli l-Prim Ministru fid-difiża tiegħu ta’ Justyne Caruana. Ma jistax ikollok Ministru li qed jiġi investigat mill-pulizija,” saħaq Bernard Grech.
“Prim Ministru tassew ħieles missu tgħallem mill-bosta eżempji tas-snin li għaddew fejn Ministri b’dell fuq rashom tħallew jibqgħu fil-kariga. Dan wassal biex bata pajjiżna li llum qala’ daqqa kbira fir-reputazzjoni tiegħu,” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Bernard Grech sostna li Robert Abela għandu minnufih ikeċċi lil Justyne Caruana u jara wkoll li kull uffiċjal pubbliku involut f’dan l-iskandlu jitneħħa immedjatament.
Huwa temm jgħid li għandu jkun assigurat li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jkompli jagħmel xogħlu. “Hekk titlob is-saltna tad-dritt.”
Ritratt: DOI