Il-PN B’Appell Biex Tkun Diskussa Petizzjoni Ta’ 53 Għaqda W Individwi Mill-Iktar Fis Qabel Jittieħed Il-Vot Finali Fuq Il-Liġi Tal-Kannabis

 Il-PN B’Appell Biex Tkun Diskussa Petizzjoni Ta’ 53 Għaqda W Individwi Mill-Iktar Fis Qabel Jittieħed Il-Vot Finali Fuq Il-Liġi Tal-Kannabis

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jappella liċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti għall-Petizzjonijiet biex jagħti prijorità lill-petizzjoni mingħand 53 għaqda u individwi li appellaw lill-Gvern biex iressaq emendi qabel ma tkun approvata l-Liġi li tillegalizza l-użu tad-droga Kannabis.

Fi stqarrija l-PN qal li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Gvern mhux lest li jilqa’ din it-talba tal-Oppożizzjoni f’isem it-53 għaqda firmitarja ta’ din il-petizzjoni. Kull proċedura fil-parlament tista’ tinbidel bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kif jiġri f’diversi stanzi fil-ħidma parlamentari. L-Oppożizzjoni talbet b’mod formali li l-kumitat Parlamentari dwar il-petizzjonijiet jiltaqa’ qabel il-vot finali ta’ nhar it-tlieta.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN iltaqa’ ma’ numru ta’ għaqdiet tul proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ u għalhekk qed iqis l-abbozz kif propost mill-Gvern bħala wieħed li ser joħloq in-normalizzazzjoni u ż-żieda tal-abbuż tad-droga f’pajjiżna. Il-Grupp Parlamentari tal-PN mhuwiex favur li f’pajjiżna jkollna kultura prevalenti ta’ abbuż mid-droga.

Il-PN saħaq li l-abbozz kif propost mill-Gvern ma jagħti l-ebda protezzjoni u għajnuna lill-persuni vulnerabbli li jaqgħu għall-vizzju tad-droga u ma jagħti l-ebda għodda legali ġodda u aktar effettivi biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN sostna li jemmen bis-sħiħ li l-Parlament għandu jpoġġi l-ewwel u qabel kollox l-interess ta’ dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna b’mod partikolari t-tfal. Bl-abbozz ta’ liġi li ressaq, il-Gvern Laburista qed jagħti dahru lit-tfal u l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom.

Il-PN temm jgħid li l-Parlament għandu jilleġisla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà Maltija u m’għandu qatt jintuża minn partit politiku biex lejliet elezzjoni ġenerali joħloq diversiv minn fuq issues li huma tassew urġenti għal pajjiżna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com