Il-PN Bi Proposti Għas-Settur Tal-Volontarjat U Għaqdiet Mhux Governattivi
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista nieda numru ta’ proposti bil-għan li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-volontarjat.
Il-proposti tressqu mid-Deputati Kevin Cutajar, Claudette Buttigieg u Ivan Bartolo li ddiskutew dan is-settur importanti ħafna kif ukoll spjegaw il-proposti mressqa mill-PN sabiex l-għaqdiet volontarja jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom aħjar.
Il-Kelliema tal-PN qalu li Gvern ġdid Nazzjonalista ħa jkun qed inqas il-burokrazija lill-għaqdiet volontarji billi jkun hemm portall elettroniku wieħed fejn wieħed ikun jista’ jimla kull tip ta’ formola neċessarja kif ukoll l-informazzjoni tal-għaqda li jkun hemm bżonn timtela.
Proposta oħra hija biex l-għaqdiet volontarji jirregolaw lilhom infushom u jkunu mgħejjuna b’superviżjoni kredibbli biex ma jaqtgħux qalbhom anke meta jkunu jridu jagħmlu transazzjonijiet jew self mill-banek.
Proposti oħra huma li għaqdiet volontarji jkunu eżentati mit-taxxa tal-VAT fuq ċerti proġetti kif ukoll kumpaniji u individwi li jagħtu donazzjonijiet lil xi għaqda ikunu eleġibbli biex dik il-parti tiġi mnaqqsa mit-Taxxa fuq id-Dħul dovuta lill-Istat;
Il-PN qed jipproponi wkoll li binjiet tal-Gvern li ma jintużawx jingħataw lill-għaqdiet volontarji biex ikollhom fejn jaħdmu.
Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti lill-uffiċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat aktar riżorsi biex jaħdem. B’hekk ir-rwol tal-Kummissarju tal-Volontarjat jiġi trasformat minn wieħed t’għassies bħal ma hu llum li jorbot idejn l-għaqdiet kollha għal wieħed ta’ regolatur modern li jissorvelja, jħalli l-għaqdiet jaħdmu u jieħu passi biss kontra min jiżbalja. Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti lill-Kunsill Malti għall-Volontarjat l-istatus li jixraqlu billi jara li dan ikun aktar rappreżentattiv tal-għaqdiet billli jkollu rappreżentant innominat minnu fuq il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Il-PN qed jipproponi li jipprovdi aktar riżorsi billi jara li jassenja mal-għaqdiet kollha volontarji u mhux governattivi li jkunu jixtiequ, ħaddiema mis-settur pubbliku, biex jgħinu lil dawn l-għaqdiet iwettqu l-ħidma tagħhom aħjar. Sabiex dan il-proċess jaħdem aħjar mil-lum, individwi li jiġu ngaġġati jkunu mitluba jagħtu l-preferenza tagħhom għal liema settur tal-volontarjat ikunu lesti jagħtu s-servizz tagħhom f’każ li jkun hemm ħtieġa.
Qed ikun ipproponut ukoll li jkun hemm ċentri reġjonali li jservu l-għaqdiet ibbażati fir-reġjun rispettiv tagħhom kif ukoll jiġu introdotti kategoriji ġodda għall-għaqdiet differenti li jirrappreżentaw diversi setturi.