Il-PN Iwiegħed Miljuni Ta’ Ewro Fis-Sena Għal Assistenza Personalizzata Lill-Persuni B’Diżabilità
Illum il-Partit Nazzjonalista laqqa’ bosta esperti, professjonisti, persuni b’diżabilità, u ġenituri tagħhom għal Konferenza Nazzjonali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità, bit-tema “Ħudu r-Riedni f’Idejkom”.
F’din il-konferenza kienet diskussa l-inklużjoni, l-aċċessibilità u s-servizzi li jeżistu f’dan il-qasam. Ma naqasx ukoll id-dibattitu dwar l-edukazzjoni u l-isfidi kbar li għad hemm għal tfal u adulti biex jieħdu l-aqwa edukazzjoni possibbli u li tkun addattata għall-abbiltajiet differenti tagħhom, kif ukoll id-diffikultajiet biex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol.
Kienet opportunità tad-deheb għall-partijiet kollha kkonċernati biex isemmgħu leħinhom u jaqsmu l-ħsibijiet u t-tħassib tagħhom dwar dan is-suġġett, u biex id-Deputati u l-kandidati Nazzjonalisti jagħrfu iżjed mill-qrib il-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni.
Il-Viċi Kap tal-PN David Agius, responsabbli mill-qasam tad-diżabilità, wassal l-impenn tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista li jfassal u jwettaq politika skont il-ħtiġijiet u l-eżiġenzi tal-persuni b’diżabilità biex tassew ikollhom qabża sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja u biex verament jirnexxielhom jilħqu l-potenzjal tagħhom f’ħajjithom.
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar il-wegħda tiegħu li gvern ġdid Nazzjonalista jkun qed jinvesti miljuni ta’ ewro kull sena biex il-persuni b’diżabilità jkollhom assistenza personalizzata skont il-ħtiġijiet tagħhom ħalli tassew ikunu jistgħu jieħdu r-riedni f’idejhom.