Il-PN Jappella Biex Il-Poplu Jkompli Jikkonkorri Għall-Vaċċin U L-Booster
Wara l-konferma li f’pajjiżna issa hawn il-varjant tal-Omicron, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-awtoritajiet tas-saħħa fl-appell biex il-poplu jkompli jikkonkorri għall-vaċċin u l-booster.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jkun aktar effiċjenti u ffukat f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għas-settur tas-saħħa.
“Huwa ta’ għajb li l-problemi li ħoloq Robert Abela stess bid-dgħufija fit-tmexxija tal-grupp parlamentari tiegħu mhux iħalluh jiffoka kif għandu jkun,” tenna l-PN.
L-Oppożizzjoni sostniet li bosta esperti ilhom jiem jappellaw lill-Gvern biex jieħu azzjoni u ma jittraskurax is-saħħa pubblika.
Il-PN temm jgħid li minkejja l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur, il-Gvern qed jibqa’ jberbaq flus il-poplu Malti fuq deal korrott ma’ Steward tant li fil-konferenza tal-aħbarijiet Chris Fearne baqa’ jiddefendi dan il-kuntratt.