Il-PN Jgħid Li L-Gvern Ta’ Robert Abela Qed Ikompli Jikkrolla

 Il-PN Jgħid Li L-Gvern Ta’ Robert Abela Qed Ikompli Jikkrolla

“Justyne Caruana ma rriżenjatx b’deċiżjoni ta’ Robert Abela imma telqet biss wara l-pressjoni tal-Oppożizzjoni u x-xogħol siewi tal-ġurnalisti.”

Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija b’reazzjoni għar-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għall-Edukazzjoni.

Il-PN qal li għal darb’oħra Robert Abela għażel li ma jiddeċidix għaliex kieku għalih ħalla l-proċess parlamentari jsir wara l-festi. “Robert Abela ma ħax azzjoni hu, ma keċċihiex hu, la minn Ministru u l-anqas mill-grupp parlamentari.”

Il-PN tenna li dan il-każ għadu mhux magħluq u qed jistennew li l-Pulizija jimxu mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li talab investigazzjoni kriminali dwar dan il-każ. Saħqu wkoll li l-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni fuq l-uffiċjali pubbliċi, inkluż is-Segretarju Permanenti tal-Edukazzjoni li approvaw dan l-iskandlu li sar b’serq ta’ flus il-poplu.

“Ninsabu fl-eqqel ta’ pandemija u s-settur edukattiv jinsab bla direzzjoni, b’edukaturi u studenti li ma jafux jekk hux se jerġgħu jirritornaw l-iskola wara l-vaganzi.”

Il-PN temm jgħid li minflok par idejn sodi fit-tmun tal-pajjiż, għandna Prim Ministru li qed jiffaċċja riżenja wara oħra ta’ Gvern li qed jikkrolla fost skandli u abbużi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com