Il-PN Jikteb Lill-Ispeaker Biex Isejjaħ Laqgħa Urġenti Dwar Il-Kwistjoni Tal-Ministru Justyne Caruana

 Il-PN Jikteb Lill-Ispeaker Biex Isejjaħ Laqgħa Urġenti Dwar Il-Kwistjoni Tal-Ministru Justyne Caruana

“Bħala Deputati tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, jidhrilna li l-Parlament ma jistax jibqa’ jtawwal milli jiffaċċja l-fatt li l-Ministru Justyne Caruana instabet li kisret l-etika u wettqet abbuż ta’ poter meta tat trattament preferenzjali lis-sieħeb tagħha bl-użu ta’ fondi pubbliċi.”

Dan intqal mid-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia fejn fi stqarrija qalu li kitbu lill-Ispeaker Anglu Farrugia biex din il-ġimgħa jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Huma qalu li jekk huwa diffiċli li ssir laqgħa din il-ġimgħa, disposti li jiltaqgħu meta jrid il-ġimgħa d-dieħla. “Ma jistax ikun li nħallu din is-sitwazzjoni gravi tkarkar sas-sena d-dieħla,” qalu Aquilina u Comodini Cachia.

“Il-ġlieda kontra l-kultura ta’ impunità li ħakkmet lil pajjiżna trid tiġi tkompli kuljum u f’kull ċirkostanza u ma tistax tieqaf għall-vaganzi,” saħqu l-Kelliema tal-PN.

Huwa qalu li lkoll kemm huma qegħdin fil-Parlament biex jirrappreżentaw il-poplu u għalhekk f’din il-pożizzjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw imġieba tajba u xierqa. “Barra minn hekk, il-Kostituzzjoni tagħna tobbliga lill-Gvern biex jirrispondi lill-Parlament u tobbliga lill-Parlament biex ikun għassies fuq il-Gvern,” tennew Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.

“Il-gravità tas-sitwazzjoni tal-Ministru Justyne Caruana tobbligana li ma nibqgħux ċassi.” Huma temmew jgħidu li l-Ispeaker għandu jieħu l-passi meħtieġa u jiżgura li l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiltaqa’ b’mod urġenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com