Il-PN Qed Jgħid Li L-Wage Supplement Trid Tiġi Estiża Sa Mill-Anqas L-Aħħar Ta’ Marzu
B’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Miriam Dalli, l-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa lill-Gvern biex il-Wage Supplement jiġi estiż sa mill-anqas l-aħħar ta’ Marzu.
Fi stqarrija ntqal li dak li qed ikun propost mill-Gvern, li l-wage supplement jiġi estiż sa Jannar imbagħad jiddiskuti, se jkun qed joħloq inċertezza fost in-negozji għaliex dawn mhux se jkunu f’pożizzjoni li jistgħu jippjanaw fit-tul. “Is-sitwazzjoni tal-pandemija qed twassal biex mill-ġdid in-negozji qed jieħdu daqqa ‘l isfel u għalhekk hu iktar importanti li l-Gvern jintervjeni ħalli jsalva lin-negozji u lill-ħaddiema,” tenna l-PN.
Ntqal li s-sidien tan-negozji, self-employed, il-ħaddiema u l-familji tagħhom qed jaffaċċjaw inċertezzi. Il-PN sostna li l-kummerċ qed jiġi kważi mwaqqaf, “il-konsumatur qed jibża jonfoq u minkejja li dan huwa żmien li n-negozju jkun qed jistennieh, il-kummerċ kien ferm inqas milli mistenni.”
Il-PN appella lill-Gvern biex il-flus jintefqu fejn hemm bżonn u l-Gvern ma jixxaħħaħx mal-ħaddiema Maltin u Ghawdxin.
“Hi ta’ sodisfazzjon ukoll l-aħbar li l-Gvern qed jikkunsidra is-sejħa li għamel il-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-imsieħba soċjali biex jonqos l-ammont ta’ ġranet li persuna tagħmel fi kwarantina,” tenna l-PN filwaqt li temm jgħid li jrid jinstab il-bilanċ bejn it-trażżin tal-virus u l-libertà biex ħajjet in-nies tkun tista’ tkompli.
Ritratt: businessnow.mt