Il-President George Vella B’Diskors Imqanqal F’Jum Ir-Repubblika Fuq Diversi Suġġetti Attwali Fil-Pajjiż

 Il-President George Vella B’Diskors Imqanqal F’Jum Ir-Repubblika Fuq Diversi Suġġetti Attwali Fil-Pajjiż

Il-President ta’ Malta George Vella, fid-diskors tiegħu tal-bieraħ fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika appella “biex bil-kalma u b’rispett sħiħ lejn l-intelliġenza tal-poplu, inpoġġu quddiemu b’mod ċar u bla ekwivoki dawk il-programmi ta’ ħidma, u dawk il-linji politiċi, li wieħed ikun lest iwettaq jekk ikun magħżul biex imexxi. Nawgura li dawk l-istrutturi kostituzzjonali li għandhom l-obbligu li jaraw li l-proċess elettorali jitmexxa b’mod demokratiku, bħalma ġara fil-passat, iserrħu ras il-poplu li dan iseħħ. Dan nawgurah ukoll kemm għal min huwa responsabbli għall-bilanċ fix-xandir, kif ukoll lil dawk kollha responsabbli għall-ħarsien tal-ordni pubbliku.”

F’diskors f’jum is-47 anniversarju ta’ Malta Repubblika, il-President sejjaħ għal sforz akbar ta’ edukazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ fl-użu tajjeb tal-media soċjali. Referenza wkoll fost diversi temi għall-pandemija tal-COVID-19. Fakkar li din għadha magħna u stqarr li jkun prematur li jsir tbassir kif se ġġib ruħha fil-ġejjieni.

Il-President George Vella, irringrazzja lil professjonisti kollha li ħadmu lejl u nhar biex jiġġieldu l-pandemija. Il-President sellem ukoll il-memorja ta’ iktar minn 470 vittma f’Malta tal-Covid-19 li qal nisslu tant diqa, fost qrabathom bl-imwiet tagħhom. Irrimarka li għalkemm il-pandemija ħarbtet il-ħajja ta’ kulħadd, f’Malta jidher li s-sitwazzjoni hi kkontrollata.

Il-President tkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Esprima tama biex isir ġustizzja u jitwettaq ħaqq ma minn jinstab li kien responsabbli għal dan ir-reat. “Il-feriti se jibqgħu. It-tagħlimiet li għandna nieħdu minn dan il-każ jibqgħu hemm biex nitgħallmu minnhom. Ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.”

Il-President Vella ħabbar li dalwaqt se titwaqqaf il-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali, li se tipprovdi forum newtrali li fih jistgħu jinżammu diskussjonijiet fuq bosta suġġetti, u jitwettaq programm ta’ azzjoni biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu d-differenzi bejnietna.

Il-President tkellem dwar l-problema tat-trasport u t-traffiku fil-gżejjer tagħna, semma wkoll dak li rajna jiġri f’pajjiżna tul l-aħħar snin vis a vis il-bini bla rażan. “Fuq quddiem nett hemm it-theddida tal-firxa tal-bini u l-kostruzzjoni li qiegħda tieħu dejjem aktar spazju mill-art agrikola u l-art verġni. Biex inħarsu s-sbuħija u s-sostenibilità ta’ pajjiżna rridu nsibu bilanċ bejn l-ambjent mibni u dak naturali. F’pajjiż żgħir bħal tagħna bil-pressjoni li teżisti kawża tal-iżvilupp ekonomiku, u l-livell għoli ta’ kwalità ta’ ħajja li ngħixu, mhux faċli jinstab dan il-bilanċ. Barra minn hekk teżisti għajta ġenerali biex il-bini ġdid li tiela’ jkollu aktar karattru, u ma jkomplix ikerrah il-madwar.”

Il-President qal li x’aktarx dawn huma wħud mill-problemi li qed iwasslu biex iż-żgħażagħ jitilqu mill-pajjiż. “Aħbar bħal din lili, bħala Kap tal-Istat, tweġġagħni ħafna. Għandna ħafna talent fostna u jiena kburi bil-livell għoli ta’ edukazzjoni li jilħqu ħafna miż-żgħażagħ tagħna.”

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com