Il-President Iħeġġeġ Biex Jitħarsu D-Drittijiet Tal-Ħaddiema F’Dawn Iż-Żminijiet Diffiċli

 Il-President Iħeġġeġ Biex Jitħarsu D-Drittijiet Tal-Ħaddiema F’Dawn Iż-Żminijiet Diffiċli

Waqt is-serata annwali tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2021, li ġiet organizzata mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, ġew onorati sitt individwi, tliet organizzazzjonijiet, u tim.

Meta indirizza ċ-ċerimonja, li din is-sena kellha t-tema ‘Nirrikonoxxu s-Sehem tal-Ħaddiema Tagħna’, il-President ta’ Malta George Vella fakkar fid-diversi sfidi u riperkussjonijiet li l-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha fuq il-postijiet tax-xogħol u mil-lat imprenditorjali. Huwa spjega kif, minn studji li saru, irriżulta li l-instabbiltà u s-sens ta’ inċertezza jirriflettu b’mod dirett, u ħafna drabi b’mod negattiv, fuq il-produttività u s-saħħa tal-ħaddiema. Għalhekk, huwa ħeġġeġ lill-komunità u lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema jitħarsu u jkunu fil-quċċata tal-politika nazzjonali dwar ix-xogħol.

Il-President wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-premijiet qed jagħtu attenzjoni għal kumpaniji jew individwi li permezz tax-xogħol tagħhom kienu strumentali fil-mixja kollettiva favur aktar sostenibilità u soċjetà inklussiva. Huwa faħħar l-impenn tal-Maltin u l-Għawdxin u qal li nistgħu nkunu kburin li, minkejja l-isfidi kollha, pajjiżna xorta baqa’ jħares ’il quddiem u baqa’ jinvesti fl-iktar riżorsa fundamentali u għażiża għalih: ir-riżorsa umana. F’dan l-ispirtu, il-President feraħ lil dawk kollha li ġew innominati u lir-rebbieħa kollha ta’ din is-sena li, tul is-sena kollha, jagħmlu l-almu tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom. “Il-laqgħa tagħna llum hija waħda ferm speċjali, mhux biss għax qed nagħtu numru ta’ premjijiet, iżda għax fuq kollox qed niċċelebraw il-bżulija u l-irwol importanti tax-xogħol fil-ħajja tal-bniedem. Nirringrazzja, għalhekk, lill-Ministru Abela ta’ din l-inizjattiva, li sena wara l-oħra tkompli tippremja l-ħidma ta’ bosta Maltin,” qal il-President.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li l-għan tal-Gvern huwa li jkompli jinċentiva l-bżulija u, għalhekk, qed jaħdem biex jiffoka l-enerġija tiegħu fuq l-iżvilupp ta’ xogħol diċenti u impjiegi ta’ kwalità. Semma kif il-Baġit għas-sena 2022 qed jintroduċi miżuri li se jkomplu jżidu l-produttività tal-pajjiż filwaqt li jinkoraġġixxu iktar lill-ħaddiema. Il-Ministru rringrazzja lis-sidien tan-negozji li, minkejja l-isfidi tal-pandemija, komplew jagħmlu dak kollu possibbli biex lill-ħaddiema jżommuhom jaħdmu u b’hekk issalvagwardjaw l-għajxien tal-familji tagħhom. Huwa qal li, bħala poplu u bħala pajjiż, qed jirnexxielna nindirizzaw b’mod għaqli l-isfida tal-pandemija, in-negozji qed jirpiljaw, l-ekonomija hija b’saħħitha u reżiljenti, u l-qgħad huwa baxx. Appella biex il-Gvern, il-ħaddiema, u min iħaddem jibqgħu magħqudin flimkien biex jaffaċċjaw l-isfidi li jitfaċċaw.

Filwaqt li qal li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fi djalogu soċjali b’saħħtu u effettiv, il-Ministru ddeskriva s-sena 2022 bħala sena oħra impenjattiva, li matulha fost oħrajn se titkompla l-ħidma marbuta mad-Direttiva tal-Work-Life Balance, il-platform workers, il-paga minima, u t-trasparenza fil-paga, kif ukoll dwar ir-reviżjoni tal-Liġi tax-xogħol. Huwa rringrazzja lin-nominati kollha tal-ħidma tagħhom fis-soċjetà, u saħaq li l-ħidma ta’ kull ħaddiem hija importanti. Irringrazzja wkoll lin-nominaturi kollha li ħadu l-inizjattiva biex jinnominaw persuni, organizzazzjoni, jew timijiet għal dan il-Premju.

Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena, 2021 huma dawn:

  • Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena – Roseanne Camilleri
  • Premju għall-aħjar Maniġer/Kap tas-Sena – Emanuel Psaila
  • Premju Tim tas-Sena – Pulizija tal-Komunità – Pulizija ta’ Malta
  • Premju għall-Aħjar Imprenditur – Mario Gauci
  • Premju għall-Aħjar Imprenditriċi – Angele Azzopardi
  • Premju għall-iktar Mexxej/a Żagħżugħa Ispiranti – Liana Bonnici
  • Premju għall-Aktar Organizzazzjoni Inklussiva – SportMalta
  • Premju għall-Organizzazzjoni li tippromwovi l-aħjar Ambjent, Benefiċċji, Kundizzjonijiet tax-Xogħol għall-Ġenituri – Erremme Business Advisors
  • Premju għall-iktar kumpanija sostenibbli – Angelo Aquilina Ltd
  • Premju mogħti mill-Ministru – Claudine Ellul Sullivan
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com