Il-President Jieħu Sehem Fil-Ħanukka, Il-Festa Tad-Dwal Tal-Komunità Lhudija
Il-President ta’ Malta, George Vella, indirizza l-10 Ħanukka, il-festa Lhudija tad-dwal, iċċelebrata mill-Fondazzjoni Chabad of Malta, fil-Belt Valletta. L-avveniment annwali, immexxi mir-Rabbi Chaim Segal, laħaq il-milja tiegħu fil-mixegħla tradizzjonali tal-menorah.
“F’isem il-poplu Malti, ningħaqad magħkom, għeżież membri tal-komunità Lhudija f’Malta u barranin fostna, fil-mixegħla tal-menorah, u permezz tad-dawl tiegħu, rifless fit-toroq tal-Belt Valletta, jinfirxu raġġi simboliċi ta’ saħħa, paċi u stabbiltà għall-popli kollha madwar id-dinja,” qal il-President Vella lill-miġemgħa miġbura f’Bieb il-Belt.
Filwaqt li rrimarka li, f’ċelebrazzjonijiet bħall-Ħanukka, nerġgħu ntennu l-konvinzjoni komuni tagħna dwar l-importanza li niffaċilitaw djalogu bejn twemmin differenti u l-promozzjoni ta’ kultura ta’ tolleranza u paċi, il-President qal li d-djalogu bejn twemmin reliġjuż differenti u r-rispett għal fidi differenti huma espressjoni tal-impenn komuni tagħna li nippromwovu dinja mmexxija mill-prinċipji universali tal-kompassjoni u tal-fraternità, u ta’ sistemi politiċi u ekonomiċi bbażati fuq is-sostenibbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
“Nemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija essenzjali biex niżguraw li l-ħażin tal-passat ma jsarrafx f’inġustizzji u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tal-lum u ta’ għada. B’edukazzjoni, infisser approċċ olistiku u multidixxiplinarju, inkluż element qawwi ta’ kuxjenza ċivika, umanitarja, u ambjentali,” qal il-President. “Il-pjaneta tagħna hija l-unika dar tagħna. Il-popli kollha, irrispettivament mir-razza, mill-post ġeografiku, mid-denominazzjoni reliġjuża, jew mill-istatus politiku, huma parti minn familja kbira ta’ bnedmin. Il-ġid u s-sopravivenza tar-riżorsi naturali tagħna, u l-preservazzjoni tal-wirt komuni tagħna huma minsuġa fl-approċċ b’impenn tagħna li nirrispettaw il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Dawn huma x-xrara u l-fjamma li jagħtuna d-dawl u jiggwidawna matul dawn iż-żminijiet diffiċli. Ejjew ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw id-diversità tagħna u nagħqdu l-isforzi tagħna għal dinja iktar ġusta u mimlija paċi.”
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni; Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej; David Agius, Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista; Agnès Von Der Mühll, Ambaxxatriċi tar-Repubblika Franċiża; Gwendolyn Green, Chargé d’Affaires tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta; kif ukoll membri tal-Fondazzjoni Chabad of Malta u tal-komunità Lhudija f’Malta.
Ritratti: DOI