Il-President Jindirizza L-Varar Ta’ Proċess Ta’ Riforma Tas-Settur Tal-Volontarjat U Tal-Uffiċċju Tal-Kummissarju Għall-Organizzazzjonijiet Volontarji
Lejliet il-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (l-OVCO) vara proċess ta’ riforma tas-settur tal-volontarjat kif ukoll fi ħdan l-OVCO nnifsu bl-isem ta’ VO Plus.
Waqt il-varar, li sar fil-Palazz ta’ Sant’Anton, issemmiet l-idea li titfassal leġiżlazzjoni ġdida għas-settur tal-volontarjat sabiex jiġu ssalvagwardjati u msaħħa l-organizzazzjonijiet volontarji kollha u dan is-settur b’mod ġenerali, kif ukoll riformi li jirregolaw il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, li huwa responsabbli għat-tfassil u t-twettiq ta’ politika inklużiva għall-volontarjat li taqdi kull aspett ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Il-President ta’ Malta saħaq dwar l-importanza ta’ dan is-settur u l-ġid li jagħmel fil-ħajja ta’ ħafna nies madwar id-dinja, inkluż f’pajjiżna. B’referenza għal dan, qal li, “Dawn ir-riformi għandhom ikunu mezz ta’ kif is-settur jista’ jiġi megħjun jimraħ aktar, b’qafas legali modern li jirrifletti l-prattiki tal-ħidma kemm preżenti kif ukoll dawk tal-futur”. Filwaqt li awgura l-ħidma t-tajba lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fil-proċess ta’ riforma li għadu kif nieda, il-President esprima wkoll ix-xewqa li pajjiżna jkompli jaħdem sabiex jilħaq il-miri stipulati min-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (l-SDGs).
Waqt din il-konsultazzjoni tkellmu wkoll, fost oħrajn, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba; il-President tal-Kunsill għas-Settur Volontarju Noel Camilleri; il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli; is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni, u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima; id-Deputat Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar; is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella; u d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà tal-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi.
Ritratt: DOI