Il-Professur Andrew Azzopardi B’Appell Lill-President Biex Ma Jiffirmax Il-Liġi Dwar Il-Kannabis

 Il-Professur Andrew Azzopardi B’Appell Lill-President Biex Ma Jiffirmax Il-Liġi Dwar Il-Kannabis

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qed jappella lill-President George Vella biex ma jiffirmax ir-riformi li qed ikunu proposti fil-liġi tal-kannabis.

Huwa qal li l-ewwel u qabel kollox din hija kwistjoni nazzjonali u allura timmerita kunsens waqt li fakkar li mhux biss l-Oppożizzjoni qed topponiha, imma anke diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet edukattivi u mediċi.

Il-Professur Andrew Azzopardi tenna li din mhix sempliċi materja ta’ aġġornament legali iżda waħda li tmiss fil-fond nerv morali u fejn diversi għaqdiet, anki governattivi, li jaħdmu ma’ persuni li jbatu mill-vizzju tad-droga juru xettiċiżmu fuq din il-liġi.

Huwa qal li anke Eks-addicts u qraba tagħhom qed iwissu kontra din ir-riforma.

“Riforma li ħa tbiddel l-interpretazzjoni tagħna ta’ kif niddiljaw mal-isfidi tagħna u kif ninterpretaw d-divertiment,” tenna Azzopardi.

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fakkar ukoll li s’issa għad m’hemmx pożizzjonijiet ċari mis-Supretendenza tas-Saħħa, mill-Awtorità’ tas-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol u mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Andrew Azzopardi fakkar li hemm nuqqas serju ta’ riċerka fuq il-kuntest lokali kif ukoll fuq l-impatt tal-familja.

“Umilment naħseb  li huwa moralment doveruż li l-President jipposponi l-iffirmar u jagħti aktar ċans biex isir aktar studju u aktar diskussjoni,” temm jgħid il-Professur Andrew Azzopardi

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com