Il-Pulizija Sparat Mal-50 Tir Biex Tipprova Twaqqaf Lil Aidan Bartolo Fil-Mellieħa

 Il-Pulizija Sparat Mal-50 Tir Biex Tipprova Twaqqaf Lil Aidan Bartolo Fil-Mellieħa

Dalgħodu fil-Qorti tkompla l-każ kontra Aidan Bartolo ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq, li kien arrestat fil-Miżieb wara sitt sigħat mistoħbi fil-ħaxix.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fix-xhieda ntqal li l-Pulizija sparat mal-50 tir lejn il-karozza ta’ Bartolo bl-għan li twaqqfu. Il-Pulizija li xehedu u li kollha sparaw lejn il-karozza ta’ Bartolo qalu li huma kollha sparaw lejn it-tyres tal-karozza wara li dan ma riedx jieqaf, minkejja l-ordni li tawh biex jieqaf.

L-akkużat intlaqat minn balla fil-pala ta’ saqajh.

Il-Pulizija qalu li dakinhar kellhom informazzjoni li l-akkużat kien se jgħaddi mill-inħawi msemmija wara l-5.30pm u fil-fatt kien għall-ħabta tas-5.45pm li huma lemħu lilu u xi karozzi oħra għaddejjin, li bdew iwaqqfu.

Żewġ karozzi li twaqqfu mill-Pulizija obdew mill-ewwel imma l-akkużat li kien bil-Mazda Demio minkejja l-ordnijiet biex jieqaf baqa’ sejjer. Pulizija minnhom qal li x’ħin hu ħareġ mill-vann tax-xogħol, il-Mazda minflok waqfet saqet għal ġo fih.

“Konna wiċċna mgħotti iżda kellna fuq sidirna l-kelma Pulizija miktuba. L-istraġi fi ftit sekondi wassal biex l-akkużat ikisser żewġ karozzi privati u jaħbat mal-vann, b’wieħed mill-kollegi tagħna spiċċa biex qabeż minn tulu meta ra l-Mazda qed tinstaq fid-direzzjoni tiegħu,” qal wieħed mix-xhieda.

Dan kollu seħħ f’perjodu ta’ 15-il sekonda.

L-avukat Franco Debono li qed jidher għall-akkużat staqsa għaliex kellhom jiġu sparati daqstant tiri lejn il-karozza, “lanqas li kien tank tal-Gwerra, ma kienu jiġu sparati daqstant tiri, u kollox jindika li dak li għamel l-akkużat kien għax beża’ u ried jaħrab u mhux li jweġġa’ lill-Pulizija, fatt ukoll li ammettih fl-istqarrija li huwa ta fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija,” qal l-Avukat Debono.

L-Uffiċjali qalu iżda illi huma ma jistgħux ikunu jafu bl-intenzjonijiet tiegħu u jistgħu jixhdu biss dwar l-azzjonijiet tiegħu.

Debono staqsa wkoll lix-xhieda kollha jekk jekk hemmx xi regolamenti dwar kif għandhom jintużaw l-armi u jekk teżistiex xi strateġija għal xi ħaġa bħal din, l-Pulizija qalu li jafu li jeżistu regolamenti li għandhom jiddeffendu lilhom infushom meta tinħass il-ħtieġa, imma dwar xi tgħid ċirkulari tal-Pulizija dwar dan, huma naqsu li jikkwotawha b’mod sħiħ.

L-akkużat, eventwalment, instab fil-Miżieb, fejn kien arrestat wara li kien hu stess li ċempel lill-għarusa tiegħu u qallha biex tinforma lill-pulizija dwar fejn kien jinsab.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, liema talba sabet oppożizzjoni qawwija minn naħa tal-prosekuzzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ tal-akkużat fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €40,000 u li jifirma fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun tliet darbiet fil-ġimgħa. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Diċembru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com