Il-Wage Supplement Se Jkun Qed Jiġi Estiż Sal-Aħħar Ta’ Jannar Li Ġej
L-għajnuna tal-wage supplement se tkun qed tiġi estiża kif inhi sal-aħħar ta’ Jannar 2022, bil-gvern ikompli bid-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali sabiex jassigura għajnuna f’waqtha lill-intrapriżi fi żminijiet ta’ sfida.
Dan ikkonfermatu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, fejn ħabbret li n-negozji sa issa gawdew minn total ta’ €653 miljun f’wage supplement. Ma’ dawn, ingħataw €30 miljun f’għajnuniet oħrajn matul il-pandemija.
L-estensjoni tal-wage supplement se tibqa’ titħaddem bl-istess mod, b’dawk li sa Diċembru kienu qed jieħdu €800 se jibqgħu jieħdu l-massimu tal-għajnuna għall-ħaddiema tagħhom.
Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif l-assistenza lin-negozji direttament marbuta mal-COVID-19 inkludiet ukoll l-għajnuna fuq il-kirjiet, il-kontijiet tad-dawl, il-leave tal-kwarantina u t-teleworking, b’investiment addizzjonali ta’ €30 miljun.
“Bil-politika ekonomika li ħaddem dan il-gvern, irnexxielna nipproteġu aktar minn 105,000 impjieg u għinna aktar minn 17,500 negozju. Tul dawn ix-xhur, ħdimna biex nagħtu għajnuna direttament marbuta mal-COVID-19, biex nistimulaw it-tkabbir ekonomiku, nattiraw l-investiment u ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Dalli qalet li l-gvern ħadem biex jassigura li l-piżijiet tal-prezzijiet internazzjonali tal-elettriku, il-gass u l-fjuwil ma jġorruhomx il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Ċifri tal-Eurostat juru kif madwar iż-żona Ewro l-prezz tal-elettriku sa tmiem Novembru żdied b’medja ta’ 18%, b’żidiet li telgħu sa 47% fi Spanja.
“F’Malta u Għawdex in-negozji u l-ħaddiema għandhom is-serħan il-moħħ ta’ kontijiet irħas u gvern li huwa garanzija ta’ sieħeb li ma jħallihom qatt waħedhom,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li, “Il-Malta Enterprise kienet essenzjali matul il-pandemija. Filwaqt li ħadmet biex tattira investimenti ġodda lejn Malta, assigurat li eluf ta’ impjiegi jkunu mħarsa permezz tal-miżuri differenti li kienet qed timbotta ‘l quddiem, bħas-suppliment tal-pagi u l-leave tal-kwarantina. Il-Malta Enterprise qed tgħin ukoll fl-isforzi biex tirriġenera l-ekonomija ta’ Malta u toħloq opportunitajiet ġodda biex in-negozji jikbru.”
Ritratt: DOI