Illum Għandek Opportunità Li Tara X-Xogħlijiet Li Qed Isiru Fil-Palazz Tal-Gran Mastru

 Illum Għandek Opportunità Li Tara X-Xogħlijiet Li Qed Isiru Fil-Palazz Tal-Gran Mastru

Illum il-Ħadd 5 ta’Diċembru, l-Uffiċċju tal-President u Heritage Malta qed jistiednu lill-pubbliku biex jara fiex waslu x-xogħlijiet li għaddejjin fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, bħala parti mill-aktar proġett ambizzjuż li daħlet għalih s’issa Heritage Malta.

Dan l-avveniment se jsir b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jsegwu r-restawr li qed isir, partikolarment dak kofinanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF). Dan jinkludi fost oħrajn ir-restawr tal-pitturi tas-seklu 18 fuq is-saqaf u tat-tiżjin tal-ħitan minn Niccolò Nasoni fil-kurituri tal-Piano Nobile, ix-xogħlijiet fis-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament u fejn issa se terġa’ ssib postha l-Armerija, kif ukoll ir-restawr tal-Casa del Monte u tal-ġnejna tal-larinġ fis-sular ta’ isfel, fejn sa ftit ilu kien hemm uffiċini u fejn issa se jkun hemm ċentru tal-viżitaturi.

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tkun qed iddoqq matul il-ġurnata kollha. Se jkun hemm għall-bejgħ pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta u diversi oġġetti oħra b’tema storika. Id-dħul kollu jmur għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

Il-Palazz se jkun miftuħ mill-10:00 sal-17:00. Ikun hemm tour kull siegħa, bl-ewwel wieħed fl-10:30 u l-aħħar wieħed fl-16:30. Id-dħul huwa b’xejn. Għas-sigurtà tagħhom stess, il-viżitaturi huma mitluba jilbsu żraben magħluqin u komdi. Dawk lebsin żraben bit-takkuna jew flip flops ma jitħallewx jidħlu.

Mibni mill-Kavallierita’ San Ġwann fis-snin 70 tas-seklu 16, il-Palazz tal-Gran Mastru hu t-teatru fejn twieled in-nazzjon Malti u l-ewwel binja li ttellgħet fil-belt kapitali l-ġdida.

Matul is-snin id-daqs tiegħu ġie mkabbar u tista’tgħid li l-Palazz kien jikkostitwixxi stat ġo binja. Matul il-ħakma Ingliża, serva bħala l-Palazz tal-Gvernatur u kien ukoll is-sede tal-ewwel parlament kostituzzjonali ta’ Malta fl-1921. Fil-preżent il-Palazz huwa s-sede tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet, il-President ġentilment qed juża uffiċini oħra lil hinn mill-Palazz.

Il-Palazz tal-Gran Mastru hu l-aktar sit ta’ Heritage Malta li jżuruh nies, b’madwar 200,000 viżitatur kull sena. Qabel kienu miftuħin għall-pubbliku biss l-Armerija fis-sular ta’ isfel, ħames swali fil-Piano Nobile, u t-taraġ prinċipali. Il-proġett ta’restawr li għaddej bħalissa se jagħti aċċess għal aktar minn 85% tal-binja.

L-ewwel fażi tal-proġett, li qed tkun kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti millFond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew għas-somma ta’ €10 miljun, mistennija titlesta flaħħar kwart tas-sena d-dieħla. F’din il-fażi l-Armerija se tittieħed lura fejn kienet oriġinarjament, jiġifieri fis-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament; se jiġu restawrati xxogħlijiet tal-arti fil-kurituri u l-Uccelliera fil-Piano Nobile; u se jsir ċentru tal-viżitaturi
f’dik li hi magħrufa bħala Casa del Monte u l-ġnejna tal-larinġ.

Fit-tieni fażi se jsir irrestawr tas-swali statali u l-uffiċċju tal-President, filwaqt li fit-tielet fażi jkun imiss irrestawr tal-Bitħa ta’Nettuno u s-sular ta’ isfel. Fl-aħħar nett se jiġi riabilitat ukoll is-sular ta’ taħt l-art. Il-bqija tal-proġett se tiswa €18-il miljun u se tkun finanzjata mill-Gvern Malti. Il-proġett kollu għandu jkun lest sal-2025.

Bir-riġenerazzjoni tal-Palazz tal-Gran Mastru, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw b’mod sħiħ din il-binja li kienet iċ-ċentru tal-poter f’Malta għal dawn l-aħħar 500 sena, u li għalhekk hija s-simbolu ta’ dan in-nazzjon.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com