Imnedija L-Ħames Edizzjoni Tal-Malta Youth Film Festival 2022

 Imnedija L-Ħames Edizzjoni Tal-Malta Youth Film Festival 2022

Tnediet il-ħames edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival 2022 (MYFF), inizjattiva bejn Aġenzija Żgħażagħ fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Malta Film Foundation. L-MYFF huwa pjattaforma għal produtturi żgħażagħ tal-films ta’ etajiet bejn 16 u 30 sena biex jippromwovu ħidmiethom f’dan il-qasam. Produtturi tal-films f’dawn l-etajiet qegħdin ikunu mistiedna biex jipproduċu films qosra ta’ mhux aktar minn 10 minuti.

Se jkunu qegħdin jingħataw tmien awards b’kull rebbieħ jingħata trofew. Ir-rebbieħ tal-aktar award prestiġjuż – Best Picture – jingħata wkoll €500 u l-opportunità li jipparteċipa fin-Nordic Youth Film Festival 2022 li jsir fin-Norveġja.

Novità fl-edizzjoni tal-MYFF ta’ din is-sena hija l-MYFF Jumpstart Film Festival. Din hija inizjattiva ġdida bejn Aġenzija Żgħazagħ u d-Dipartiment tal-Media Studies fi ħdan id-Direttorat għal Learning and Assessment Studies. Permezz ta’ din l-inizjattiva studenti tal-Media Studies (Year 9, 10 u 11) se jkollhom l-opportunità li jipproduċu film qasir u jikkompetu għal tliet awards – Best Script Creativity and Originality, Best Cinematography u Best Overall. L-iskejjel rebbieħa jingħataw trofew u voucher għal €300 biex jintużaw f’xiri ta’ apparat.

It-tnedija ta’ din l-edizzjoni tal-MYFF saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata fost oħrajn mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li “din l-inizjattiva hi b’konformità speċifika mal-ħames għan strateġiku tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ 2021-2030 li nedejna f’Marzu li għadda. Għan li nissapportjaw programmi varji nazzjonali, proġetti u inizjattivi minn setturi differenti għal żgħażagħ li jieħdu ħsieb u jippromwovu l-istat ta’ saħħa tajba, kreattività, espressjoni artistika u kulturali, u innovazzjoni u involviment biex jiġu indirizzati suġġetti globali għal żvilupp sostenibbli. Wieħed għandu jħares lejn l-inizjattiva MYFF mill-perspettiva li l-produzzjoni tal-films huwa qasam ieħor li qed joffri sfidi u orizzonti ġodda għaż-żgħażagħ tagħna u li ċertament ikun ħaqqhom kull inkoraġġiment meta jidħlu għal avventura bħal din.”

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li din hi pjattaforma unika li tagħti l-ħiliet meħtieġa f’industrija tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.

Filwaqt li rringrazzjat lill-organizzaturi għall-inizjattiva tagħhom il-Ministru Farrugia Portelli awgurat li l-MYFF jerġa’ jkun suċċess u jkun xprun ieħor favur ħidma għalenija b’risq iż-żgħażagħ.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji. Huwa qal li permezz ta’ dan il-programm, Aġenzija Żgħażagħ qed tkun valur miżjud fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħna. Infatti, matul is-snin dan il-festival baqa’ jikber u dejjem tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, fejn fl-edizzjoni li għaddiet kien hemm 12-il film li ġew innominati. Fl-aħħar nett is-Segretarju Parlamentari Grima rringrazzja lil Aġenzija Żgħażagħ għax-xogħol siewi li twettaq maż-żgħażagħ u qal li inizjattivi bħal dawn jipprovdu spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u fuq kollox jippromwovu l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com