Imnedija L-Istrateġija Diġitali Għas-Settur Tal-Ġustizzja

 Imnedija L-Istrateġija Diġitali Għas-Settur Tal-Ġustizzja

Matul konferenza tal-aħbarijet, tnediet l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni Diġitali għas-settur tal-ġustizzja mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Din l-istrateġija nħadmet fuq medda ta’ tmintax-il xahar  u li hija xhieda ħajja tal-impenn li dan il-gvern għandu sabiex ikompli jinvesti fis-sistema tal-ġustizzja biex din issir aktar effiċjenti, effettiva u aċċessibbli.

Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis spjega kif, “Matul dawn l-aħħar xhur, il-pandemija għenitna nimirħu ‘l bogħod mill-kumdità u nħaddnu t-teknoloġija bħala mezz li jgħinna niżguraw li l-ġustizzja tibqa’ ssir u ssir b’mod ġust. Ħriġna mill-pandemija bi skop ġdid, dak li nħaddnu l-bidla. Importanti li wieħed jirrimarka illi s-sistema tal-ġustizzja ta’ Malta mhijiex ġdida fis-settur diġitali, iżda din l-istrateġija se tkompli tgħinna nidentifikaw l-għanijiet tagħna, nagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġiji, filwaqt li nirrispettaw is-saltna tad-dritt ta’ kull ċittadin”.

Din l-istrateġija se tipprovdi viżjoni komuni u se tgħaqqad l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-ġustizzja, sabiex flimkien jaħdmu u jittrasformaw is-sistema tal-ġustizzja.

Din l-istrateġija se tiġi implimentata taħt il-kappa tal-Istrateġija Digitali Nazzjonali u se timxi id f’id mal-politika tas-servizz pubbliku Malti. Il-Ministru Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza tal-għanijiet strateġiċi li ġew magħżula għal din l-istrateġija; il-waqtiet li l-ġustizzja tkun waħda bbażata fuq teknoloġija diġitali ssir in-norma u mhux l-eċċezzjoni, l-informazzjoni miġbura u provduta tibqa’ waħda valida maż-żminijiet, u  li jingħata t-taħriġ neċessarju.

Din l-istrateġija ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-appoġġ kontinwu tad-Direttur Ġenerali għar-Riformi u l-Kunsill Ewropew, kif ukoll il-European Commission for the Efficiency of Justice (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill Ewropew.

Is-Sur Daniele Dotto, id-Direttur Attwali tar-riformi għall-Kumissjoni Ewropea faħħar l-impenn tal-Ministeru li rnexxielu jakkwista l-fondi biex isiru riformi importanti fil-qasam tal-ġustizzja. B’hekk, Malta qed timxi ‘l quddiem sabiex tipprovdi aċċess għall-ġustizzja fuq il-linji ta’ dak li hu meħtieġ fuq livell Ewropew u anke jagħmel lil pajjiżna proattiv fl-arena Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-pjan ta’ azzjoni għall-ġustizzja diġitali huwa proċess importanti li fuqu nistgħu nibnu diversi passi għall-ġejjieni.

Hu kompla jgħid li d-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja se jsir b’investiment ta’ madwar €300,000 ko-finanzjati minn fondi Ewropej u se tkun qed ittejjeb l-effiċjenza u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għal dawk li jirrikorru għall-qrati.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza se jkollna investiment ta’ madwar €10 miljun sabiex ikollna aktar diġitalizzazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja. Dan huwa pass importanti li permezz tiegħu se nagħtu aktar għodod biex naraw li l-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna jkun aktar effiċjenti u jagħti servizz aħjar liċ-ċittadin.

Ikkonkluda billi qal li, bħala parti mill-qafas tal-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna, dan il-gvern għażel li jkompli jinvesti fil-qrati. ​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com