Inawgurat Il-Mafkar Tal-Ewwel Prim Ministru Ta’ Malta Joseph Howard

 Inawgurat Il-Mafkar Tal-Ewwel Prim Ministru Ta’ Malta Joseph Howard

Fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN), kien inawgurat mafkar f’ġieħ l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Joseph Howard, fuq xogħol l-iskultur Joseph G. Scerri.

Il-mafkar kien inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u membru tal-familja tal-eks Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif ċerimonji bħal dawn huma sbieħ għax infakkru u niftakru f’dak li għamlu dawk li ġew qabilna. “Dawk li, grazzi għal ħidmiethom, illum nistgħu nitkellmu fuq pajjiż modern, indipendenti, repubblika u membru tal-Unjoni Ewropea.”

Dr Abela elenka żewġ karatteristiċi sinonimi ma’ ħajjet l-eks Prim Ministru Howard u li għad għandhom valur u sinifikat qawwi fit-tfassil tal-politika llum il-ġurnata; l-irġulija u l-arti tal-kompromess.

“Fil-politika, l-irġulija għandna nuruha qabel xejn maċ-ċittadin, li niddjalogaw miegħu u nżommu l-kelma li nagħtuh, iżda wkoll bejnietna li aħna involuti fil-ħajja pubblika. Billi niddibattu l-argument, u mela le, noħorġu d-differenzi fejn ma naqblux. Iżda, fl-istess ħin, ma nfittxux il-ħin kollu d-dinja tal-konfront daqs li kieku xi ħadd għandu kollox tajjeb u ħaddieħor kollox ħażin,” qal il-Prim Ministru.

Fir-rigward tal-kompromess, il-Prim Ministru għaqqad dan il-prinċipju li kellu f’ħajtu l-eks Prim Ministru Howard mal-kisbiet li kontinwament qiegħed jagħmel pajjiżna meta nfittxu iżjed dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna.

“F’sistema li llum rat anke numru ta’ bidliet leġiżlattivi li saħansitra jirrikjedu ż-żewġ terzi tal-kamra għal ħatriet importanti, il-ħtieġa tal-kompromess hija kruċjali. U l-kompromess jiġi jekk infittxu l-interess nazzjonali,” qal il-Prim Ministru, li elenka l-bżonn ta’ bidliet u riformi oħrajn, fosthom il-bżonn ta’ iktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. “Għalhekk għaddejna liġi storika li għandha tkun il-bażi biex din ir-realtà tinbidel,” stqarr Dr Abela.

“Illejla niftakru minn fejn bdejna mitt sena ilu. Wieħed mill-iktar mumenti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Iżda daqstant ieħor intennu l-impenn li, filwaqt li nibnu fuq il-pedamenti sodi li ħallew ta’ qabilna, jibqa’ fina l-għatx għar-riforma. Għax huwa l-kuraġġ tal-bidla li jgħin biex nibnu l-Malta li rridu għal uliedna, bħalma ta’ qabilna ħadmu biex fasslu dak li għandna llum,” temm jgħid il-Prim Ministru Abela.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li din l-inawgurazzjoni tfakkar il-mixja twila li wasslet biex Malta finalment takkwista s-self-government. “Din il-kostituzzjoni kienet l-ewwel pass importanti li bdiet il-mixja ta’ nazzjon sovran. Għaldaqstant, huwa f’waqtu u għaqli li nikkommemoraw iċ-ċentinarju mill-avveniment storiku u tant importanti, billi infakkru l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Joseph Howard,” sostna l-Ministru José Herrera.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FĊN Albert Marshall tkellem fuq il-missjoni tal-aġenzija li tikkommemora l-avvenimenti storiċi ta’ pajjiżna.

Preżenti għal din is-serata kien hemm ukoll diversi mistiedna, fosthom membri familjari ta’ Joseph Howard.

Ritratti: OPM, DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com