Investiment Ta’ €1 Miljun Fi Proġetti Sostenibbli Relatati Mal-Ilma
Permezz tal-proġett GiFluid, il-Kunsill Lokali tar-Rabat se jkun allokat €1 miljun biex jiġu implimentati proġetti fil-komunità biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma.
Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat taħt il-programm Interegg Italja-Malta. GiFluid qed issir b’ħidma konġunta bejn l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, il-Kunsill Lokali tar-Rabat flimkien mal-Università ta’ Katanja, il-Kunsill Reġjonali ta’ Sqallija u Aci Castello.
B’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat, se tkun qed tiġi riabilitata l-Pjazza ta’ San Duminku fi spazju rikreattiv, biex b’hekk tkun tista’ titgawda mir-residenti u minn dawk li jżuru din il-lokalità. Permezz ta’ dan il-proġett, se tissaħħaħ l-infrastruttura u għalhekk se jkun hemm spazju għal reservoir, fejn se jkun qed jinġabar l-ilma li jkun hemm f’dawn l-akwati.
Dan il-proġett se jara li jimplimenta green urban infrastructure, li se jkun roof garden fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma Għajn. Matul l-aħħar erba’ snin dan iċ-ċentru serva bħala ċentru edukattiv fejn studenti u tfal ġew esposti b’għarfien fuq l-importanza tar-riżorsa tal-ilma. Issa, b’dan il-proġett, se jservi wkoll ta’ spazju rikreattiv għall-familji u għal dawk li jżuru dan il-post.
Il-proġett pilota GiFluid se jservi bħala mudell fejn se jkun qed jiġi żviluppat bir tal-ilma biex jiġi analizzat ir-riskju ta’ għargħar. Wara, isir eżami biex jiġu applikati soluzzjonijiet iktar ambjentali.
Fit-tnedija tal-proġett, il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Ir-riżorsa tal-ilma hija importanti ħafna, għalhekk irridu nsibu soluzzjonijiet u prattiċi biex inkomplu nissalvagwardjaw din ir-riżorsa. Għalhekk, permezz ta’ dan il-mudell, se jkun ta’ għodda biex aktar ministeri u entitajiet governattivi jkunu jistgħu jippjanaw miżuri biex jitnaqqas l-għargħar”. Il-ministru qalet li dan il-mudell se jgħaqqad diversi entitajiet biex b’hekk jiġu ffurmati strateġiji u policies aktar sostenibbli.
“Iridu naħsbu fil-futur ta’ pajjiżna, u għalhekk irridu nippreparaw ġenerazzjonijiet futuri biex joħorġu b’ideat u b’innovazzjonijiet sostenibbli. B’dan il-proġett se nkunu qed ninvolvu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ li se jkunu qed jiġu offruta opportunitajiet ta’ taħriġ f’Katanja, fuq infrastruttura iktar ambjentalment sostenibbli. Dan għaliex irridu nrawmu mentalità iktar sostenibbli fil-ġenerazzjonijiet futuri”, spjegat il-Ministru Dalli.
Hi kkonkludiet li proġetti bħal dawn jirriflettu l-viżjoni ta’ dan il-gvern fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u ħeġġet biex ikun hawn aktar inizjattivi bħal dawn.
Ritratt: DOI