Investiment Ta’ €2.7 Miljun Biex Tissaħħaħ Il-Flotta Tad-Dipartiment Tal-Protezzjoni Ċivili
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, tħabbar investiment ieħor fil-Protezzjoni Ċivili li ser iwassal biex id-dipartiment ikun aktar ippreparat biex iwieġeb għas-sejħiet li jsirulu. L-apparat differenti li ġie inawgurat huwa magħmul apposta biex jintuża għal emerġenzi li jinqalgħu fuq l-art, fuq il-baħar u f’bini għoli.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega li dan l-investiment hu parti mill-pjan tal-Ministeru għall-Intern biex kull entità li hija responsabbli mis-sigurtà nazzjonali tkun imħejjija bl-aħjar mod possibbli biex flimkien ikunu kapaċi jaffaċċjaw l-isfidi li għandu l-pajjiż. “Il-bini għoli jġib miegħu sfidi ġodda mill-aspett ta’ sigurtà u jeħtieġ li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jadatta għal din ir-realtà wkoll,” qal il-ministru.
L-inġenji ġodda jinkludu trakk imsejjaħ Hydraulic Platform, li jlaħħaq għoli ta’ 70 metru. Dan huwa l-akbar trakk tal-flotta u ser jgħin lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’ħidmietu meta tinqala’ emerġenza f’bini għoli ħafna. Żewġ fire engines ġodda ngħaqdu wkoll mal-flotta tal-Protezzjoni Ċivili u huma mgħammra b’apparat modern u bl-aħħar teknoloġija tat-tifi tan-nar. It-teknoloġija tinkludi sistema li tista’ ttaqqab il-ħadid minn barra biex titbaxxa t-temperatura qabel jidħlu l-pumpiera biex jikkontrollaw in-nirien. B’hekk ser jonqos il-periklu għall-ħaddiema filwaqt li jonqos ir-riskju li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. L-investiment jinkludi wkoll ix-xiri ta’ żewġ diver vans ġodda li ser ikomplu jsaħħu l-iskwadra marittima tad-dipartiment. In-numru ta’ bugħaddasa li jaħdmu fl-iskwadra marittima rduppjaw fl-aħħar sena hekk kif żdiedu minn 14 għal 30 ħaddiem u għaldaqstant, il-vetturi ġodda ser jgħinu biex il-membri ta’ din it-taqsima jkunu jistgħu jġorru t-tagħmir fihom.
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Sur Emanuel Psaila spjega li dawn il-vetturi ġodda huma parti minn sensiela ta’ investimenti li qed isiru biex id-dipartiment jimmodernizza r-riżorsi fi ħdanu. Huwa saħaq li fl-aħħar snin sar investiment bla preċedent biex id-dipartiment ikompli jsaħħaħ l-operat tiegħu u jkompli jasal b’effiċjenza għand in-nies 24 siegħa kuljum, is-sena kollha.
Ritratti: DOI