Ippremjati Tfal U Adoloxxenti Li Ħadu Sehem Fil-Kompetizzjoni Ta’ Tpinġija Dwar Xi Tfisser Kwalità Tal-Ħajja
Tfal u adoloxxenti li ħadu sehem f’kompetizzjoni tat-tpinġija dwar xi tfisser kwalità tal-ħajja ġew ippremjati mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.
L-għan ta’ din il-kompetizzjoni kien li fost it-tfal u l-adoloxxenti titqajjem kuxjenza li sa minn ċkunithom jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba billi jsibu l-bilanċ f’kull ħaġa li jagħmlu.
It-tfal u l-adoloxxenti setgħu juru l-perspettiva tagħhom ta’ dak li huma jifhmu bi kwalità tal-ħajja u din il-kompetizzjoni wriet kemm hu importanti li meta jittieħdu d-deċiżjonijiet jiġu mismugħa wkoll il-vuċijiet tat-tfal u l-adoloxxenti.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli wriet is-sodisfazzjon tagħha għat-tpinġijiet li ġew ippreżentati għal din il-kompetizzjoni. Spjegat li, “b’dan il-mod rajna li minn ċkunithom it-tfal u l-adoloxxenti qegħdin jitgħallmu janalizzaw sitwazzjonijiet differenti li jagħmlulhom ġid u deni. Irriduhom li jitgħallmu jsibu l-bilanċ f’kollox, kemm fix-xogħol, fid-divertiment, fl-ambjent u anke mal-familja. Dan il-bilanċ hu dak li jwassalna biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Għaldaqstant, irridu naraw aktar tfal u żgħażagħ li jħaddmu l-lenti kritika tagħhom.”
Preżenti għal din il-premjazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Matthew Vella, li fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni semma kemm hu importanti li nisimgħu x’għandhom xi jgħidulna t-tfal u l-adoloxxenti, anke meta nkunu qegħdin nagħmlu konsultazzjoni pubblika dwar suġġetti varji. Filwaqt li ħeġġeġ lit-tfal biex ikomplu joħolmu dwar il-futur tagħhom, ħeġġiġhom ukoll biex ikomplu jfakkru lill-adulti dwar il-ħolm tagħhom ukoll.
Il-kategorija tat-tfal ta’ bejn il-5 u l-10 snin intrebħet minn Katriona Gauci, filwaqt li Nina Galea u Julia Barbara ġew fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Il-kategorija tal-adoloxxenti ta’ bejn l-10 u s-16-il sena ntrebħet minn David Attard, filwaqt li Ismael Giuliano u Kaden Fenech ġew fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.
Għal din il-kompetizzjoni ħadu sehem 30 parteċipant minn madwar Malta u Għawdex, li lkoll ingħataw tifkira u ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
Ritratti: MISW